
Int li tħobb il-qalb sinċiera
Tifħir ta’ sbiħ il-jum, il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu 2025
Salm 50 (51)
O Alla, ħenn għalija
Iġġeddu fl-Ispirtu tal-fehma tagħkom u ilbsu l-bniedem il-ġdid. (Ef 4:23-24)
Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *
naddafni mid-dnub tiegħi.
Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *
id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.
Kontrik biss jiena dnibt, *
u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.
Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *
u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.
Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *
u fid-dnub nisslitni ommi.
Int li tħobb il-qalb sinċiera, *
għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi.
Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *
Agħmel li nisma’ l-ferħ u l-hena, *
biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.
Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *
ħassar ħżuniti kollha.
Oħloq fija qalb safja, o Alla, *
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek; *
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.
Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek, *
u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.
Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †
Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *
u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.
Iftaħli xufftejja, Sidi, *
u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *
noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.
Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *
qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.
Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *
erġa’ ibni l-ħitan ta’ Ġerusalemm.
Imbagħad tilqa’ bil-qalb vittmi xierqa, †
sagrifiċċji ta’ vittmi maħruqa u mitmuma; *
imbagħad joffrulek għoġiela fuq l-altar tiegħek.
Glorja.
Ant. 1: Kontrik biss jiena dnibt, Mulej; ikollok ħniena minni.
Ant. 2: Nistqarru ħżunitna, Mulej, għax dnibna kontrik.




