Inti żżur l-art u ssaqqiha

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tlieta 3 ta’ Awwissu.

Salm 64 (65)

Radd il-ħajr solenni

Sijon tfisser il-belt tas-sema.
(Origene) 

Tifħir lilek jistħoqq, o Alla, f’Sijon; *
lilek inroddu l-wegħda, int, li tisma’ talbna.
Quddiemek jersaq kull bniedem, *
minħabba fi ħtijietu.
Kbar wisq għalina dnubietna; *
iżda inti taħfirhomlna. 

Hieni l-bniedem li inti tagħżel *
u tqiegħdu jgħammar fit-tempju tiegħek.
Bil-ġid ta’ darek nixbgħu *
fit-tempju mqaddes tiegħek.
Tal-għaġeb kif tweġibna bil-ġustizzja tiegħek, *
o Alla tas-salvazzjoni tagħna.
Int tama ta’ min jgħix fi truf l-art *
u fi gżejjer fl-ibħra mbiegħda. 

Int twaqqaf fis-sod il-muntanji b’qawwietek, *
Inti mħażżem bis-saħħa.
Inti ssikket l-għajjat tal-ibħra, †
u l-ħsejjes tal-imwieġ tagħhom, *
u t-tixwix tal-popli.
U jibżgħu dawk li jgħammru fi truf l-art *
quddiem l-għeġubijiet tiegħek.
Iż-żerniq u għib il-jum *
inti timliehom bil-ferħ. 

Inti żżur l-art u ssaqqiha, *
u tagħniha bil-ġid tiegħek.
Il-wied ta’ Alla mimli bl-ilma; *
il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom.
Hekk int tħejjiha: †
issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha, *
bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ. 

Fawwart is-sena bi tjubitek, *
triqatek bil-ġid joqtru;
joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert, *
u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.
Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel, †
il-widien jinksew bil-qamħ; *
jgħajtu lkoll u jgħannu bil-ferħ! 

Glorja

Ant. 3: Jistħoqqlu l-Mulej Alla t-tifħir fil-belt imqaddsa tiegħu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/