Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tlieta 3 ta’ Awwissu.
Salm 64 (65)
Radd il-ħajr solenni
Sijon tfisser il-belt tas-sema. (Origene)
Tifħir lilek jistħoqq, o Alla, f’Sijon; * lilek inroddu l-wegħda, int, li tisma’ talbna. Quddiemek jersaq kull bniedem, * minħabba fi ħtijietu. Kbar wisq għalina dnubietna; * iżda inti taħfirhomlna.
Hieni l-bniedem li inti tagħżel * u tqiegħdu jgħammar fit-tempju tiegħek. Bil-ġid ta’ darek nixbgħu * fit-tempju mqaddes tiegħek. Tal-għaġeb kif tweġibna bil-ġustizzja tiegħek, * o Alla tas-salvazzjoni tagħna. Int tama ta’ min jgħix fi truf l-art * u fi gżejjer fl-ibħra mbiegħda.
Int twaqqaf fis-sod il-muntanji b’qawwietek, * Inti mħażżem bis-saħħa. Inti ssikket l-għajjat tal-ibħra, † u l-ħsejjes tal-imwieġ tagħhom, * u t-tixwix tal-popli. U jibżgħu dawk li jgħammru fi truf l-art * quddiem l-għeġubijiet tiegħek. Iż-żerniq u għib il-jum * inti timliehom bil-ferħ.
Inti żżur l-art u ssaqqiha, * u tagħniha bil-ġid tiegħek. Il-wied ta’ Alla mimli bl-ilma; * il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom. Hekk int tħejjiha: † issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha, * bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.
Fawwart is-sena bi tjubitek, * triqatek bil-ġid joqtru; joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert, * u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet. Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel, † il-widien jinksew bil-qamħ; * jgħajtu lkoll u jgħannu bil-ferħ!
Glorja
Ant. 3: Jistħoqqlu l-Mulej Alla t-tifħir fil-belt imqaddsa tiegħu.