Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tlieta 1 ta’ Frar 2022.
Salm 100 (101)
Stqarrija ta’ prinċep ġust Jekk tħobbuni tħarsu l-kmandamenti tiegħi. (Ġw 14:15)
Ngħanni u nxandar it-tjieba u l-ġustizzja; * lilek, Mulej, irrid ngħanni. Irrid nimxi bl-għaqal fit-triq il-perfetta; * meta sa tiġi għandi?
Inġib ruħi b’qalb safja ġewwa dari; * ebda ħaġa ħażina ma nżomm quddiem għajnejja. Nobgħod ’il min jagħmel il-ħażen, * u ma norbotx qalbi miegħu.
Qalb imħassra nżommha ’l bogħod minni; * il-ħażin ma rridx naf bih. Min iqassas bil-moħbi fuq għajru, * lil dan jien neqirdu. Min għajnejh merfugħa u qalbu mkabbra, * ma nistax inġerrgħu.
Inżomm għajnejja fuq it-twajbin tal-art, * biex dawn joqogħdu miegħi. Min jimxi fit-triq il-perfetta, * dan hu li jaqdini. Ma jgħammarx f’dari min jimxi bil-qerq; * ma jżommx quddiemi min jitkellem bil-gideb. Għodwa wara l-oħra neqred il-ħżiena kollha tal-art, * biex inwarrab mill-belt tal-Mulej ’il kull min jagħmel il-ħażen.