Talb ta’ matul il-jum, illum il-Ħadd 3 ta’ Ottubru.
Salm 63 (64)
Talba kontra l-għedewwa Dan is-salm ifakkarna ħafna fil-passjoni tal-Mulej. (S. Wistin)
Isma’, o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; * mill-biża’ tal-għadu ħarisli ħajti. Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, * mit-tixwix ta’ dawk li jagħmlu l-ħażen, dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, * jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ, biex mill-moħba jolqtu ’l min hu bla ħtija, * jolqtuh għal għarrieda, bla biża’ ta’ xejn. Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, † jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, * u jgħidu: “Min se jarana?”Ifittxu l-ħażen, † ifasslu pjan maħsub sewwa. * Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem!
Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; * f’daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi. Minħabba lsienhom isiru ħerba; * kull min jarahom iħarrek rasu. U lkoll jimtlew bil-biża’ ta’ Alla, u għemilu jxandru, * u jifhmu sewwa kulma għamel.
Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; * jiftaħru dawk kollha ta’ qalbhom safja.