Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira; † xufftejja ma żammejthomx magħluqa, * Mulej, dan inti tafu. Ma ħbejtx f’qalbi l-ġustizzja tiegħek; * il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom; ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek * lill-ġemgħa kbira.
Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek; * it-tjieba u l-fedeltà tiegħek iħarsuni għal dejjem! Għax għalquni minn kull naħa ħsarat li ma jingħaddux; * ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara; huma aktar mix-xagħar ta’ rasi; * għandi qalbi maqtugħa.
Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni; * Mulej, fittex għinni. Jithennew u jifirħu bik * dawk kollha li jfittxuk; jgħidu dejjem: “Kbir il-Mulej!” * dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek. Imma jien, fqajjar u msejken, * għandi ’l Sidi jaħseb fija. Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi; * iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!