Mulej, Alla tiegħi

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum it-Tnejn 2 ta’ Ottubru 2023.

Salm 39 (40)

(I)

Radd il-ħajr u talb għall-għajnuna
Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija. (Lhud 10:5) 

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej, *
hu niżel ħdejja u sema’ l-għajta tiegħi.
Minn bir waħxi tellagħni, *
minn qalb il-ħama u t-tajn;
fuq il-blat qegħidli riġlejja, *
u saħħaħli l-mixi tiegħi.
Qegħidli fuq fommi għanja ġdida, *
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. 

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu, *
u jittamaw fil-Mulej.
Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu, *
u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.
Bla għadd l-għemejjel tiegħek, *
Mulej, Alla tiegħi;
tal-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina; *
ħadd ma jħabbatha miegħek!
Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; *
iżda huma ħafna biex insemmihom. 

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti; *
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija. *
Imbagħad jien għidt: “Hawn jien, ġej.”
Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi *
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni, *
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. 

Glorja.

Ant. 2: L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda tal-Missier.

Ant. 3: Jien, fqajjar u msejken, għandi ’l Sidi jaħseb fija.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/