
Naħseb fiż-żmien tal-imgħoddi
Tifħir ta sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 29 ta’ Novembru 2023.
Salm 76 (77)
Tifkira tal-għemejjel ta’ Alla
Aħna minn kullimkien nidhru magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin. (2 Kor 4,8)
B’leħen qawwi ’l Alla nsejjaħ, *
insejjaħ ’l Alla biex jismagħni.
Fid-diqa tiegħi lil Sidi nfittex; †
ma negħjiex billejl nerfa’ idi u nitlob; *
ma tridx taf b’faraġ qalbi.
Niftakar f’Alla u nitniehed; *
jien u naħseb, tinfena qalbi.
Inżomm miftuħa xfar għajnejja; *
jiena mħawwad u ma nistax nitkellem.
Naħseb fiż-żmien tal-imgħoddi, *
niftakar fis-snin ta’ qabel;
billejl nitħaddet f’qalbi, *
naħseb u nixtarr ġewwa fija.
Tgħid għal dejjem se jwarrabna Sidna? *
Mhux se jibqa’ jurina mħabbtu?
Waqfet għal dejjem it-tjieba tiegħu? *
Mhux se jibqa’ jżomm kelmtu minn nisel għal ieħor?
Nesa Alla juri ħniena magħna? *
Jew ħeba ħnientu fl-għadab tiegħu?
Ikolli ngħid: “Dan hu l-għali tiegħi: *
li Alla l-Għoli biddel għemil lemintu.”
Imbagħad niftakar f’għemilek, Mulej; *
naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.
Naħseb f’kulma int għamilt; *
nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.
Qaddisa triqtek, o Alla! *
Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?
Int Alla li tagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb, *
li turi qawwietek fost il-popli.
Bi driegħek fdejt il-poplu tiegħek, *
l-ulied ta’ Ġakobb u ta’ Ġużeppi.
Rawk l-ilmijiet, o Alla, †
rawk l-ilmijiet u twerwru; *
u sa qiegħ il-baħar triegħed.
Mis-sħab niżlet ix-xita, u s-smewwiet triegħdu; *
leħħ ma’ kullimkien il-beraq tiegħek.
Il-ħsejjes tar-ragħad tiegħek waħda f’waħda, †
il-beraq dawwal id-dinja; *
triegħdet u theżhżet l-art.
Triqtek fuq il-baħar, †
fuq l-ibħra l-kbar il-mixja tiegħek; *
u ħadd ma jsibhom il-passi tiegħek.
Mexxejt bħal merħla l-poplu tiegħek, *
b’id Mosè u Aron.
Glorja.
Ant. 1: Qaddisa triqtek, o Alla! Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?
Ant. 2: Qalbi tifraħ fil-Mulej, li jbaxxi kif ukoll jgħolli.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/



