Sikket mewġ il-baħar

 


L-uffiċċju tal-qari, illum is-Sibt 6 ta’ Novembru.

Salm 106 (107)

(II)

Infnew minħabba l-imġiba ħażina tagħhom; *
sofrew minħabba ħżunithom.
L-ikel kien jiġihom ħażin; *
kienu waslu sa wara bieb il-mewt. 

Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
Bagħat il-kelma tiegħu u fejjaqhom, *
u ħelishom mit-telfien. 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
U joffrulu sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr, *
u jxandru l-għemejjel tiegħu b’għana ferrieħi. 

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna, *
li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej *
u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar.
Hu ordna u qajjem riefnu, *
li qanqal imwieġ il-baħar. 
Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar; *
qalbhom bdiet tferfer bil-biża’.
Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra, *
u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom. 

Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U bidel ir-riefnu f’żiffa, *
u sikket mewġ il-baħar.
Huma ferħu għax ibbnazza; *
u hu wassalhom sal-port li xtaqu. 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
Ikabbruh fil-ġemgħa tal-poplu, *
u jfaħħruh fil-laqgħa tal-kbarat. 

Glorja.

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu.

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/