
titlaqnix meta tħallini saħħti
Talb ta’ nofs il-jum, illum it-Tnejn 14 ta’ Awwissu 2023.
Salm 70 (71)
(I) Il-Mulej il-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti
Kunu ferħanin fit-tama tagħkom, kollkom sabar fl-hemm (Rum 12:12)
Fik, Mulej, jien nistkenn; *
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni; *
agħtini widen u fittex eħlisni.
Kun sur ta’ kenn għalija; †
int wegħedt li tiġi dejjem issalvani, *
għax blata u fortizza int għalija.
Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin, *
minn id il-qarrieq u l-kiefer.
Għax int, Sidi, it-tama tiegħi; *
Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek serraħt sa minn twelidi, †
sa minn ġuf ommi inti ħadtni; *
inti dejjem it-tifħir tiegħi.
Ħafna huma li stagħġbu bija, *
iżda inti l-kenn qawwi tiegħi.
Mimli fommi b’tifħirek, *
u b’sebħek il-jum kollu.
Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; *
titlaqnix meta tħallini saħħti.
Għax fuqi jitkellmu l-għedewwa tiegħi; *
dawk li jonsbuli ħajti flimkien ifesfsu.
“Alla nsieh!”, huma jgħidu. *
“Għalih! Aqbduh! Ħadd ma jeħilsu.”
O Alla, toqgħodx ’il bogħod minni; *
Alla tiegħi, fittex għinni.
Ħa jistħu u jinfnew dawk li jixluni; *
jimtela biż-żebliħ u l-għajb min iridli d-deni.
Glorja.
Ant. 2: Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Ant. 3: Imqar meta nixjieħ, la tinsinix, o Alla.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/