u artna tagħti l-frott tagħha

 

L-uffiċċju tal-qari, illum is-Sibt 30 ta’ Diċembru 2023.

Salm 84 (85)

Qrib is-salvazzjoni tagħna
Bil-miġja tas-Salvatur tagħna fid-dinja, Alla wera mħabbtu lejn artu. (Oriġene) 

Urejt imħabbtek, Mulej, lejn artek; *
reġġajt ’il Ġakobb lura mill-jasar.
Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek; *
ħfirtilhom dnubiethom kollha.
Reġġajt lura l-qilla tiegħek; *
taffejt is-saħna tal-korla tiegħek. 

Reġġagħna għal li konna, Alla tas-salvazzjoni tagħna, *
warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.
Se tibqa’ għal dejjem tinkorla għalina? *
Se tibqa’ għal dejjem tagħdab kontrina?
Mhux int li terġa’ tagħtina l-ħajja, *
biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina. 

Ħa nisma’ xi jgħid Alla; *
il-Mulej is-sliem ixandar,
għall-poplu u l-ħbieb tiegħu, *
u għal dawk li jafdaw fih.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu †
għal dawk li jibżgħu minnu, *
biex jgħammar is-sebħ f’artna.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, *
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet, *
u l-ġustizzja mis-sema tixref. 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu, *
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi, *
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. 

Glorja.

Ant. 1: Il-fedeltà mill-art tinbet, u l-ġustizzja mis-sema tixref.

Ant. 2: It-tjieba u l-fedeltà, Mulej, jimxu quddiemek.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/