Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal
It-Tieni Riflessjoni dwar il-Virtujiet Kardinali fil-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi
Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena;
l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna;
u l-biċċa l-kbira taħbit u niket;
malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.
Min jista’ jifhem il-qawwa ta’ qilltek?
Min jista’ jqis il-biża’ ta’ għadbek?
Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Salm 90, 10-12
L-ewwel virtù li ser nirriflettu dwarha hija dik tal-għaqal. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiddefinixxi l-għaqal jew il-prudenza bħala “dik il-virtù li tħejji r-raġuni prattika biex tagħraf fiċ-ċirkustanzi kollha x’inhu l-veru ġid tagħna u tagħżel il-mezzi ġusti biex jinkiseb” (KKK, par. 1806).
Lazzaro Pisani jirrappreżenta din il-virtù b’ħarsitha lejn anġlu li qed iżomm ktieb miftuħ u b’subagħha qed tipponta fuq il-kliem li bih jiftaħ il-Prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann, “In principio erat Verbum”—“Fil-bidu kien il-Verb” (Ġw 1, 1a)—filwaqt li b’idha l-oħra qed iddellel fuq id-dinja bħal donnu biex ifisser li l-veru għaqal li bih titmexxa d-dinja jinsab fil-misteru tal-Inkarnazzjoni—ta’ Alla li daħal hu stess fid-dinja.
Fil-kantuniera ta’ fuq tax-xellug fuq hemm puttin qiegħed iżomm f’idejh kumpass u riga, żewġ għodod li jintużaw għall-kejl, għaliex il-virtù tal-għaqal isservi ta’ kejl u gwida għall-virtujiet l-oħrajn kollha.
Fil-parti ta’ isfel tal-pendent insibu żewġ puttini flimkien ma’ serp u ħamima bajda, rappreżentazzjoni allegorika ta’ dak li jgħid Kristu meta jibgħat lit-tnax iduru l-irħula: “Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10, 16).
“Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal, għax inħares il-preċetti tiegħek” (Salm 119, 100). Xi jfisser għalija li nimxi bil-għaqal? L-għaqal tiegħi huwa d-dawl li jixħet fuq ħajti l-Verb ta’ Alla magħmul bniedem?