Xettru tas-sewwa hu x-xettru ta’ saltnatek!

B’sejfek, Mulej, b’idek mill-bnedmin eħlisni,

mill-bnedmin li ħajjet din l-art sehemhom.

Ħa jimtlew bil-ġid tiegħek,

ħa jieklu sax-xaba’ wliedhom,

u jibqgħalhom xi jħallu liż-żgħar tagħhom!

Imma jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek;

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

Salm 17, 14-15

It-tieni virtù kardinali hija dik tal-ħaqq jew ġustizzja. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiddefinixxi l-ġustizzja bħala “dik il-virtù morali li biha b’rieda soda u kostanti, nagħtu ’l Alla u lil għajrna dak li jistħoqqilhom,” u għal daqstant jiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta’ ġustizzja:

Il-ġustizzja lejn Alla tissejjaħ “il-virtù tar-reliġjon”. Il-ġustizzja lejn il-bnedmin tħejjina biex nirrispettaw id-drittijiet ta’ kulħadd u nżommu, fir-relazzjonijiet tagħna mal-bnedmin l-oħra, dik l-armonija li ġġib ’il quddiem l-ekwità fl-imġiba tagħna mal-bnedmin kollha għall-ġid ta’ kulħadd.

KKK, par. 1807

Tiddomina l-pittura l-figura femminili fin-nofs tal-pendent bix-xabla, ix-xettru u l-kuruna maqtugħa ’l fuq minn rasha u miżmuma minn anġlu—fi qbil ma’ dak li nsibu f’Salm 44, “xettru tas-sewwa hu x-xettru ta’ saltnatek!” (Salm 45, 7). Fuq ix-xellug fuq hemm anġlu qiegħed iżomm qatta’ ħatab u mannara. Flimkien max-xabla, dawn huma simbolu tal-awtorità ġudizzjali.

Fin-naħa ta’ isfel imbagħad hemm anġlu ieħor qiegħed iżomm miżien f’idu x-xellugija u ktieb u pinna f’idu l-leminija. Il-miżien ibbilanċjat preċiż ifakkarna fil-ħtieġa li l-ġustizzja tkun imparzjali, “bla ma tħares lejn wiċċ ħadd” (1 Tim 5, 21). Il-ktieb huwa l-ktieb tal-ħajja li jissemma’ fl-Apokalissi li fuqu hemm l-ismijiet ta’ dawk li ġew salvati, u allura xbieha wkoll tal-ġudizzju ta’ Alla li fih il-ġustizzja u l-ħniena huma t-tnejn fil-perfezzjoni tagħhom.

“Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li ma tħabbel rasek b’ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares, imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi.”

Mark 12, 14

Hekk stqarrew il-Fariżej u l-Erodjani meta riedu jġarrbu lil Ġesù. Mentri Ġesù Kristu, il-ġust (1 Ġw 2, 1) hu b’għajnejh miftuħa fil-ħaqq tiegħu bħalma l-figura allegorika f’din ir-rappreżentazzjoni m’għandhiex għajnejha mgħammda. Fir-relazzjonijiet tiegħek ma’ Alla u mal-oħrajn, tfittex li timxi b’ġustizzja? Il-ħaqq tiegħek huwa b’għajnejh miftuħa, attent għall-ħtiġijiet ġenwini tal-persuni u għar-rieda ta’ Alla kif inhi murija lilna kull waqt?