Ilbsu l-armatura ta’ Alla

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-Virtujiet Kardinali fil-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi

Mill-bqija, twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu. Ilbsu l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan. Għax il-ġlieda tagħna mhijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet. Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, iżżommu weqfin.

Efesin 6, 10-13

It-tielet virtù hija dik tal-qawwa. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiddefinixxi din il-virtù bħala l-ħila “li nkunu sodi u ma nieqfu qatt milli nfittxu dejjem dak li hu tajjeb, minkejja d-diffikultajiet li magħhom niltaqgħu” (KKK, par. 1808).

Din il-virtù hija rrappreżentata permezz ta’ mara liebsa kurazza u bix-xabla u t-tarka f’idejha—nistgħu ngħidu raffigurazzjoni bi xbihat ta’ vjolenza. Imma niftakru li sa mill-qedem it-tradizzjoni nisranija tkellmet dwar il-ħajja nisranija bħala taqbida. Hija l-virtù li tagħtina l-ħila negħlbu t-tentazzjoni u l-biża’ fil-mument tal-prova.

L-iljun li hemm fin-naħa ta’ isfel huwa wkoll simbolu klassiku ta’ qawwa u kuraġġ. Fuq ix-xellug hemm anġlu jżomm f’idejh bħal donnu sawt bil-ħbula, li tfakkarna meta Ġesù wera qawwa meta keċċa l-bejjiegħa mit-tempju. L-anġlu fuq in-naħa tal-lemin qed iżomm f’idejh fergħa tas-siġra tal-ballut, simbolu wkoll ta’ qawwa, u  xbieha li jagħmel użu minnha Raffaello fil-lunetta fi Stanza della Segnatura fil-Palazz Appostoliku tal-Vatikan (probabbilment bħala allużjoni għall-familja Della Rovere li minnha kien ġej il-Papa Ġulju II) li tpittret bejn l-1509 u l-1511.

Sidi l-Mulej jgħinni, għalhekk ma nitħawwadx; għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied: jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

Isaija 50, 7

Kif inġib ruħi fil-mument tal-prova? Nagħżel it-tajjeb hu x’inhu l-prezz? Jew nagħmel il-kompromessi għax ma nfittix li nieħu saħħti mill-għajn tal-qawwa vera, li hi Ġesù Kristu?