Arawni! Jien nibgħat ħafna sajjieda
It-Tielet Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ Ġesù flimkien mal-Appostli
“Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb
u ngħarbel il-ġewwieni,
biex nagħti ’l kull wieħed skont imġibtu,
skont ma jkun jistħoqq għemilu.”
(Ġeremija 17, 10)
Ma’ kull waħda mix-xeni tal-ħajja ta’ Kristu li nsibu fil-Bażilika tal-Assunta, Calì abbina wkoll figura profetika u silta mill-iskrittura li bħal donnha turi t-tħabbira minn qabel ta’ dak li seħħ permezz ta’ Ġesù. Max-xena ta’ Ġesù mdawwar bit-Tnax, Calì jorbot il-Profeta Ġeremija, bil-ħarsa kważi kiebja u l-idejn magħquda u merfugħa ’l fuq f’pożizzjoni ta’ lament—profeta li kien jaf tassew x’inhu l-prezz ta’ li tkun messaġġier tal-Mulej. U Calì jqabbel max-xena dan il-vers ta’ Ġeremija:
“Arawni! Jien nibgħat ħafna sajjieda, oraklu tal-Mulej, u jistaduhom. Imbagħad nibgħat ħafna kaċċaturi, u jmorru għalihom fuq kull muntanja u fuq kull għolja u f’kull xaqq blat.” (Ġer 16, 16)
Għalkemm probabbilment l-għan kien li tinħoloq rabta mal-missjoni tat-Tnax li jkunu sajjieda tal-bnedmin u li jfittxu n-nagħaġ il-mitlufa (kif anke josservaw San Ambroġ u Santu Wistin fil-kitbiet tagħhom), dan il-kliem ta’ Ġeremija jifforma parti minn profezija ta’ ġudizzju, fejn il-Mulej ifakkar lill-poplu li l-ħażen tagħhom mhuwiex moħbi minn għajnejh.
Fil-ġrajja taż-żagħżugħ għani, għall-mistoqsija ta’ Pietru dwar x’kien is-sehem tagħhom li ħallew kollox biex marru warajh, Ġesù jgħidilhom: “Tassew ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida, meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael” (Mt 19, 28).
Għalkemm, “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (3, 17), il-preżenza ta’ Kristu u, b’konsegwenza, il-preżenza tal-mibgħutin tiegħu toħloq awtomatikament ġudizzju għax tixhed għall-verità. Filwaqt li tħalli l-Kelma tal-Mulej tixlik sabiex twasslek għas-sbuħija sħiħa tiegħek, itlob li l-preżenza tiegħek fid-dinja tkun sinjal ħaj tas-sewwa ta’ Alla biex hekk il-ħaqq tal-Kelma tiegħu jkun jista’ jmiss iktar ħajjiet.