L-Art tal-Missjoni

It-Tieni Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ Ġesù flimkien mal-Appostli

Issa tkellem il-Mulej,

li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu,

biex għandu rraġġa’ lura ’l Ġakobb,

u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid,

għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej,

u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi.

Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,

li inti tkun il-qaddej tiegħi,

biex tqajjem it-tribù ta’ Ġakobb,

u traġġa’ lura l-fdal ta’ Iżrael.

Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,

biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.”

(Isaija 49, 5-6)

Karatteristika tipika tal-pitturi ta’ Giuseppe Calì, u li narawha wkoll f’xi wħud mil-lunetti li jirrappreżentaw il-ħajja ta’ Kristu fir-Rotunda tal-Mosta, hija bla dubju x-xenarju fl-isfond, b’bini mhux daqstant goff u fl-istil tal-Lvant. F’din il-lunetta partikolari ta’ Ġesù mal-Appostli, li fuqha qed nitfgħu l-ħarsa tagħna, dan l-isfond għandu funzjoni partikolari: dik li jfakkarna fil-firxa tal-art tal-Galilija li fiha kienu ser jiġu mibgħuta meta ġew magħżula. L-isem stess appostlu fil-Grieg, qabel ma mhu isem ta’ funzjoni partikolari fi ħdan il-Knisja, ifisser messaġġier, xi ħadd mibgħut fuq missjoni. Għalkemm, f’dan l-istadju bikri, Ġesù jibagħthom ifittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael (Mt 10, 6), qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema, din il-firxa testendi sa truf l-art kollha:

“Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.” (Mt 28, 18-20)

Permezz tal-magħmudija, mhux biss ġejna mxierka mad-dixxipli, imma wkoll ingħatajna l-mandat ta’ appostli. Liema huma t-trufijiet tal-art konkreti fejn il-Mulej qiegħed jibagħtek fil-ħajja tiegħek biex hemmhekk tgħix ta’ dixxiplu u hekk tkun messaġġier tiegħu?