Bħal belt miftuħa u bla ħitan
Il-Ħames Riflessjoni dwar il-Virtujiet Kardinali fil-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi
Mhux tajjeb tiekol ħafna għasel;
hekk ukoll min ifittex ġieħ fuq ieħor.
Bħal belt miftuħa u bla ħitan,
hekk hu l-bniedem li ma jitrażżanx.
Proverbji 25, 27-28
Ir-raba’ virtù kardinali li jirrappreżenta Lazzaro Pisani fil-Knisja tas-Siġġiewi hija dik tal-qies (jew rażan, jew temperanza). Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika ifissirha bħala “hi dik il-virtù morali li biha nrażżnu l-ġibda għall-pjaċiri u tagħtina li nużaw bil-qies il-ġid tal-art” (KKK, par. 1809).
Il-figura femminili ċentrali f’id waħda qed iżżomm palma u bl-id l-oħra qed iżżomm ir-riedni tal-ġemel wieqaf warajha. Kemm il-palma u kif ukoll il-ġemel huma simboli tar-rażan minħabba l-ambjent naturali skars mill-ilma li fih jgħixu. Il-ġemel kapaċi jaħżen l-ilma għall-vjaġġ u b’hekk jagħmel ġranet ma jixrobx.
Fuq, in-naħa tal-lemin, hemm anġlu jżomm riedni f’idejh, li huma s-simbolu per eċċellenza tat-temperanza għax “tiżgura setgħa lir-rieda fuq l-istinti u żżomm ix-xewqat tagħna li ma jmorrux ’l hemm minn dak li hu onest u sewwa” (KKK, par. 1809).
Taħt il-figura allegorika tal-qies hemm anġlu qed iżomm il-globu tad-dinja fuqu, forsi tfakkira lill-bniedem fil-kmand primordjali li jaħkem l-art mhux bħala tirann imma bħala kustodju u għalhekk jeħtieġ din il-virtù biex iħaddem tajjeb il-ġid tagħha bla ma jinħakem minnu.
Tħallix xewqatek jiġbduk warajhom, u rażżanhom il-ġibdiet tiegħek.
Bin Sirak 18, 30
Filwaqt li bl-ebda mod ma nistgħu ninjoraw il-ġibdiet u l-passjonijiet tagħna, għax huma parti mill-umanità tagħna, titħabat biex issuqhom lejn it-tajjeb, jew tħalli lilhom isuquk bla reżistenza ta’ xejn? Ftakar li mingħajr il-qies, flok sid tispiċċa skjav mingħajr difiża quddiem dak kollu li jiġbdek lejh.