Ħa jwassluk l-Anġli fis-sema
It-Tieni Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Agunija ta’ San Ġużepp meqjuma fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi
Raġel li jgħaġġbek, la nkedd mix-xogħol, lanqas reġa’ lura quddiem il-mewt; ma nġibidx la lejn naħa u lanqas lejn l-oħra; ma beżax mill-mewt, għalkemm ma ċaħadx li jibqa’ jgħix. Għajnejh u jdejh il-ħin kollu merfugħa lejn is-sema, ma kienx iħalli l-ispirtu qawwi tiegħu jehda mit-talb, u lill-qassisin li kienu madwaru, meta staqsewh iridhomx idawruh biex itaffulu l-uġigħ, weġibhom: “Ħalluni, ħuti, inħares lejn is-sema u mhux lejn l-art, biex ruħi tkun tħares lejn Alla meta tasal biex titlaq.”
Ittri ta’ Sulpiċju Severu lil Bassula dwar il-mewt ta’ San Martin
Inkomplu r-riflessjoni tagħna dwar il-pittura tal-Agunija ta’ San Ġużepp li tinsab fuq l-altar ċentrali tal-kappellun tan-naħa tal-lemin tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi.
Għalkemm dan ix-xogħol tat-tmintax-il seklu jirrappreżenta l-aħħar siegħa tal-mewt, ix-xena hi pjuttost mimlija moviment. Fin-nofs naraw lil Ġużeppi b’figura li, għalkemm tidher matura, xorta waħda mhijiex mitluqa, kif tikxef il-muskolatura tas-sider u l-idejn. Barra Ġesù u Marija, fix-xena nsibu anġlu ħdejn rasu u għadd ta’ puttini mqassmin madwar ir-raġġ wiesgħa ta’ dawl ħiereġ minn fetħa fis-sħab in-naħa ta’ fuq u nieżel għal fuq Ġużeppi—bħal donnu r-responsorju tar-rit tal-funeral narawh jieħu l-ħajja quddiemna:
Qaddisin t’Alla, għinuh; anġli tal-Mulej, ejjew ilqgħuh: ħudu magħkom ’il ruħu: wassluha quddiem Alla l-Għoli.
Għalkemm il-fidwa kienet għadha ma seħħitx għax is-siegħa ta’ Ġesù kienet għadha ma waslitx, Ġużeppi jmut f’dik it-tama li tiftaħ qalb il-bniedem biex tilqa’ dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh meta jkun il-waqt. Hawnhekk, Ġużeppi hu xempju tar-ruħ nisranija li lanqas fil-mewt mhi mitruħa għax hi mħejjija tajjeb u serena għax wettqet dak li kellha twettaq.
Il-bniedem imut skont kif jgħix, ngħidu. Xi jnissel f’qalbek il-ħsieb tal-mewt tiegħek? Lil hinn mill-biża’ naturali mill-mewt li ssuqna biex nagħmlu l-almu tagħna fuq l-art, il-ħsibijiet li jiġu jikxfu fejn tassew hi qalbna, x’inhu tassew għażiż għalina, għal xiex qegħdin ngħixu.