Bierku, Qaddisin, il-Mulej
Is-Sitt Riflessjoni dwar l-Apoteosi ta’ San Franġisk fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Valletta
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
Bierku, qaddisin u intom ta’ qalbkom umli, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
Danjel 3, 86-87
Fuq il-lemin tal-pittura, paralleli ma’ San Franġisk, insibu għadd ta’ qaddisin Franġiskani, fosthom Sant’Antnin ta’ Padova, San Bonaventura, Santa Kjara, Santa Eliżabetta tal-Ungerija (Prinċipessa tar-Renju tal-Ungerija u patruna tat-Terzjarji Franġiskani), u San Luigi IX (Re ta’ Franza u patrun tat-Terzjarji Franġiskani)—rappreżentanti tat-tliet ordnijiet Franġiskani, jiġifieri dak maskili, dak femminili, u dak sekulari. Dan il-kunċett insibuh ukoll fl-affresk li jirrappreżenta l-vot tal-kastità li jinsab impitter mas-saqaf fuq l-altar tal-Bażilika Inferjuri ta’ Assisi, fejn fil-kantuniera tax-xellug insibu rrappreżentati t-tliet ordnijiet—bil-figura tat-terzjarju Franġiskan possibbilment hija rappreżentazzjoni ta’ Dante Alighieri.
Ma’ dawn il-qaddisin hu inkluż ukoll il-Papa Girgor IX (Ugolino di Conti), li fl-1220, fuq talba ta’ San Franġisk stess, ġie maħtur minn Papa Onorju III bħala Kardinal Protettur tal-Ordni tal-Franġiskan. Għaldaqstant, minkejja li kollha b’xi mod ħaddnu l-ispiritwalità Franġiskana, nistgħu ngħidu li wkoll għandna rappreżentanza ta’ varjetà ta’ vokazzjonijiet fi ħdan il-Knisja li lkoll bil-mod tagħhom iwasslu għall-qdusija.
Fost dawn il-qaddisin, insibu wkoll awto-ritratt ta’ Calì rrappreżentat bħala kardinal. L-artist pitter dan ix-xogħol fl-aħħar fażi tal-karriera glorjuża tiegħu, meta kellu 61. Għalkemm kien fadallu sew biex imut, għax miet fl-għomor ta’ 84, hekk kif beda jirrikonoxxi li ma fadallux jgħix daqs kemm diġà għex, forsi dan l-awto-ritratt jesprimi x-xewqa tal-artist li hu wkoll ikun magħdud mal-qaddisin wara li sebbaħ tant knejjes b’xogħlijiet li jiftħu tieqa kontemplattiva fuq is-sema.
Kif l-għixien tal-vokazzjoni tiegħek qed jiftaħ tieqa fuq is-sema u fl-istess waqt iħalli dawl is-sema jdawwal id-dinja? Il-mod ta’ kif tgħix il-kariżma li biha fdak Alla qiegħed ikun sinjal tal-preżenza tiegħu fuq l-art u fl-istess waqt jagħti togħma tas-Saltna tas-Smewwiet?