Oħtna l-Mewt

Is-Seba’ Riflessjoni dwar l-Apoteosi ta’ San Franġisk fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Valletta

Mulejja, tkun imfaħħar f’oħtna l-mewt tal-ġisem,

li minnha ebda ħaj ma jista’ jaħrab:

ħażin għal dawk li jmutu fid-dnubiet il-mejta;

imbierka dawk li ssibhom fir-rieda mqaddsa tiegħek,

għax il-mewt l-oħra ma tagħmlilhomx deni.

San Franġisk, L-Għanja tal-Ħlejjaq

Issieħeb il-pittura tal-glorja ta’ San Franġisk, fi kwadru għaliha taħt it-tila ewlenija, Calì pitter ukoll il-Mewt ta’ San Franġisk, imdawra minn erba’ ċrieki żgħar li jirrappreżentaw lil San Ġużepp ta’ Copertino, Beatu Bonaventura ta’ Potenza, San Bernardinu ta’ Siena, u Beatu Ġwanni Duns Scotus.

Din it-tila komparattivament ċkejkna u fuq skala ta’ kuluri iktar skuri meta mqabbla mal-oħra, turina l-punt eżatt tal-mewt ta’ San Franġisk, meta ruħu tittajjar lejn is-sema, hekk kif jesprimi r-raġġ ta’ dawl li jagħti għal fuq il-wiċċ tal-qaddis. Din ix-xena donnha taqbad eżatt dak li l-Franġiskani jfakkru ma’ nżul ix-xemx tat-3 ta’ Ottubru, meta jiċċelebraw it-Transtu ta’ San Franġisk, il-passaġġ tiegħu minn din il-ħajja li tintemm għall-oħra ta’ bla tmiem.

San Franġisk hu mdawwar minn sitt anġli, tlieta fuq kull naħa tar-raġġ tad-dawl nieżel mis-sema. Hawnhekk jerġgħu jitfaċċa l-ward li jidher ukoll fil-pittura ewlenija. L-uċuħ sereni tal-anġli huma f’kuntrast mal-uċuħ kollhom dieqa ta’ Santa Kjara u sħaba, u ta’ figura maskili mhux identifikata, li qegħdin jibku t-telfa ta’ San Franġisk.

B’mod speċjali bil-logħba bejn id-dawl u d-dlam, din ix-xena jirnexxilha taqbad iż-żewġ faċċati tal-munita tal-mewt. F’dan ix-xahar fejn il-Knisja tistedinna biex niftakru f’ħutna l-mejtin u nitolbu għalihom sabiex ma jdumux ma jidħlu fil-glorja ta’ dejjem, tajjeb ukoll niftakru fir-realtà tal-mewt tagħna, mhux b’biża’ u qtigħ il-qalb, imma iktar bħala realtà neċessarja li timmarka l-mod kif ngħixu din il-ħajja sakemm tiġi tiltaqa’ magħna oħtna l-mewt.