Kristu l-Imħallef Glorjuż

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-pitturi tal-Koppla tal-Bażilika Kolleġġjata ta’ Santa Elena, Birkirkara

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *
fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *
li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *
li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *
fil-glorja ta’ dejjem.

Liturġija tas-Sigħat, Te Deum

Wieħed mill-aqwa xogħlijiet tal-artist Ruman Virginio Monti (1852-1940) f’Malta huwa bla dubju l-affreski fuq l-apsidijiet, il-kursija u l-koppla tal-Bażilika Kolleġjata ta’ Santa Elena, Birkirkara. Dan ix-xogħol sar bejn l-1906 u l-1910. F’dawn il-ġimgħat li ġejjin li fihom se tasal fit-tmiemha sena liturġika u tibda oħra, se ndawru l-ħarsa tagħna lejn l-affreski tal-koppla li jirrappreżentaw ir-Rebħa tas-Salib fil-Ġudizzju Universali. Il-koppla hi maqsuma fi tmin flieli li ċ-ċentru tagħhom huwa bla dubju x-xena ta’ Kristu mħallef u s-Salib glorjuż, hekk kif jindika l-ħarsa f’din id-direzzjoni ta’ ħafna mill-figuri fil-bqija tal-affreski.

Kristu hu rrappreżentat bi lbies aħmar u bil-pjagi jidhru. Il-figura sħiħa tiegħu hija inklinata minn qaddu ’l fuq lejn ix-xellug, u bil-ħarsa tiegħu tħares lejn dawk li ġew ikkundannati għat-telfien ta’ dejjem. Nistgħu ngħidu li l-figura ta’ Kristu hija raffigurazzjoni ta’ dak li nsibu f’kapitlu 25 tal-Evanġelju skont San Mattew fejn, wara li jilqa’ lill-ġusti, Kristu jgħid lil dawk ta’ fuq ix-xellug tiegħu, “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu” (Mt 25, 41).

Minkejja l-gravità tas-sitwazzjoni, din il-firda hija l-konsegwenza naturali tas-Salib li jidher merfugħ ’il fuq fil-glorja kollha tiegħu—dak li permezz tiegħu l-fidwa saret possibbli imma fl-istess waqt hu meħtieġ li din il-fidwa tiġi milqugħa sabiex is-salvazzjoni tal-persuna tkun tista’ sseħħ. Is-Salib hu merfugħ minn ħames anġli: It-tnejn ta’ fuq qegħdin ukoll iġorru l-lanza u l-qasba bl-isponża, simboli marbutin mal-aħħar siegħa tal-Mulej, bħalma huma wkoll il-kuruna tax-xewk, l-imsiemer u l-kitba tal-kundanna li huma mwaħħla mas-salib. Iż-żewġ anġli tan-nofs qegħdin iżommu s-Salib b’idejhom it-tnejn, wieħed iħares kemxejn ’l isfel  u l-ieħor ’il fuq, bħal donnhom bejniethom jikkontemplaw l-misteru sħiħ tal-għuda mqaddsa. Il-ħames anġlu b’idejh it-tnejn qiegħed iżomm is-salib mill-qiegħ tiegħu u b’ħarstu ’l isfel biex bħal donnu jinkludi wkoll fix-xena lill-ispettatur.

“Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.”

Ġwanni 3, 17

Quddiem din ix-xena, ifhem li inti wkoll qed tiġi mistieden sabiex tħalli lilek innifsek tintrefa’ ’il fuq minn dik l-għuda li ġiet imħawla fl-art għall-fidwa tiegħek. Imma ifhem ukoll li l-ġudizzju mhuwiex biss xi ħaġa ta’ tmiem id-dinja, imma jseħħ issa, f’kull mument, skont kif tagħżel li tkun marbut ma’ dik l-għuda mqaddsa, jekk hux b’rabta li ssalva jew b’rifjut li jissarraf f’telfien.

Ħajr lil Daniel Cilia għar-ritratti.