Bl-ilsiera warajk
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar l-Arazz tat-Trijonf tal-Fidi Kattolika, Kon-Katidral ta’ San Ġwann
Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu:
Ħafrilna dnubietna kollha.
Ħassar il-kont tad-dejn li kellna
bl-obbligi li kien hemm kontrina;
neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.
Neżża’ l-Prinċipati u s-Setgħat,
u għamel wirja minnhom quddiem
id-dinja, u karkarhom warajh fit-trijonf tiegħu bi Kristu.
Kolossin 2, 13-15
L-użu li jagħmel l-artist Rubens—li fuq xogħlu hu maħdum dan l-arazz—ta’ diversi figuri allegoriċi oħra jkomplu jisħaq fuq l-universalità tal-fidi diġà mfissra permezz tal-globu f’riġlejn il-Fidi. F’din l-aħħar riflessjoni dwar dan l-arazz se nagħtu ħarsa lejn il-figuri mixjin wara l-karru għax sefgħu mirbuħa mill-Fidi, bħal donnhom raffigurazzjoni ta’ dak li nsibu f’vers 19 ta’ Salm 68, u li għalih jalludi San Pawl fl-Ittra lill-Efesin f’kapitlu 4: “Int tlajt fil-għoli, bl-ilsiera warajk, bnedmin int ħadt b’għotjiet tiegħek, imqar dawk li ma ridux joqogħdu għalik, Mulej Alla.”
L-interpretazzjonijiet ta’ min jistgħu jkunu dawn il-figuri huma varji imma, fl-essenza tagħhom, b’xi mod ifittxu li jwieġbu l-mistoqsijiet reliġjużi ewlenin ta’ żmien Rubens: kif ix-xjenza, il-filosofija, u n-natura jirrelataw mal-fidi. L-ewwel figura hija dik tax-xjenza (jew l-astronomija) irraffigurata bħala raġel bid-daqna li f’idu l-leminija qed iżomm l-astrolabju, li permezz tiegħu kienu jitkejlu l-movimenti tal-kwiekeb fis-smewwiet, u ktieb f’idu x-xellugija. Ma ninsewx li f’dak iż-żmien il-Knisja kienet qed titħabbat mal-implikazzjonijiet tar-revoluzzjoni Kopernikana fejn, flok kollox idur mad-dinja, issa kien qed jiġi ppropost mudell fejn id-dinja tagħna, u anke oġġetti astrali oħra, iduru max-xemx. Għalkemm ix-xjenza tista’ toħroġ b’teoriji differenti dwar kif jaħdmu l-affarijiet, imma ma tista’ tasal qatt li twieġeb il-mistoqsijiet dwar għalfejn hemm xi ħaġa flok ix-xejn u x’inhu l-iskop aħħari l-ħolqien.
It-tieni figura, dik tar-raġel xwejjaħ b’fattizzi Sokratiċi, tirrappreżenta l-filisofija. Fis-seklu sbatax kien hemm proliferazzjoni ta’ diversi skejjel filosofiċi. Imma din ir-rappreżentazzjoni terġa’ mill-ġdid tfakkarna fuq il-ħtieġa li l-filosofija tkun ukoll suġġetta għall-fidi, bħax-xjenza.
Wara d-dahar mgħawweġ tal-Filosfu nilmħu figura iżgħar fl-età b’kuruna tar-rand imxidda fuq rasha li tirrappreżenta l-poeżija. Interessanti kif il-ħarsa tal-poetà taħbat eżatt mal-ħarsa tal-fidi—forsi għax kultant il-poeżija għandha l-qawwa li tmiss il-qalba tal-misteru b’sempliċità u bl-użu tat-tixbihat, u għaldaqstant kontinwament jeħtieġ li tibqa’ tħares fiss lejn il-fidi sabiex l-ilhim tagħha ma jkunx biss frott l-immaġinazzjoni imma jkun ukoll imdawwal mill-fidi.
Maġenb il-filosofija hemm miexja n-natura, irrappreżentata bħala figura femminila b’żewġ pari sidrejn mikxufa. Il-ħarsa tagħha lejn l-art u jdejha msallbin qed iżżomm id-dublett juru l-umiljazzjoni tagħha meta sefgħat imneżża’ minħabba d-dnub, u l-għera tagħha jesponiha għal iktar tħassir. Fl-istess ħin, hija din l-umiltà li tista’ ssalvaha għax tgħallimha tgħix fil-limiti tagħha u skont il-pjan tal-mħabba tal-Ħallieq għall-ħolqien.
L-aħħar figura hija dik ta’ raġel ta’ ġilda skura liebes turban elaborati. Bħall-poeżija, din il-figura tħares b’supplika lejn il-fidi. Din il-figura tista’ tirrappreżenta l-filosofija Iżlamika li kienet resqet ferm qrib lejn il-mod ta’ ħsieb tal-fidi Nisranija, jew sempliċiment personifikazzjoni ta’ popli indiġeni li kienu għadhom qed jistennew li titħabbar lilhom il-Kelma ta’ Alla.
Dawn il-figuri jidhru ħerġin mid-dlam tan-naħa tal-lemin għad-dawl li hemm fuq ix-xellug, iggwidati minn żewġ anġli oħra. Wieħed minnhom qiegħed iżomm torċa taqbad f’idu bħala xbieha tad-dawl li jkeċċi d-dlamijiet, u b’idu l-oħra qed jipponta lejn il-karru tal-Fidi għax hu biss fi Kristu li aħna nsibu t-triq, kif insibu fil-Ktieb tal-Profeta Isaija u applikat sa mill-bidu tal-Knisja mal-miġja tal-Messija:
Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom.
Isaija 9, 1
Quddiem dawn il-figuri mjassra, aħseb ftit dwar dak li fil-ħajja tal-lum qed jagħmlek skjav jew qed jillimita x-xefaq ta’ kemm jaraw ‘għajnejk’ bil-ħarsa lejn l-art. U mill-ġdid erġa’ agħmel l-għażla personali u fundamentali li timxi t-triq tal-fidi. Agħmel tiegħek iċ-ċertezza tal-fidi li tagħtina l-qawwa li ngħidu għalina nfusna dak li l-awtur tal-Ittra lil-Lhud iħabbar:
Ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù … Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom.
Lhud 12, 1-3