Bħal xitla kiber quddiemna

L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Kruċifissjoni, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Min kien jemmen dak li smajna,

u f’min intwera driegħ il-Mulej?

Bħal xitla kiber quddiemna,

u bħal għerq minn art niexfa.

Ebda sura ma kellu,

u ebda ġmiel biex inħarsu lejh,

jew xi sura biex nitgħaxxqu bih.

Isaija 53, 1-2

Waħda mill-festa importanti li l-Knisja tiċċelebra matul ix-xahar ta’ Settembru bla dubju hija dik tal-Eżaltazzjoni tas-Salib nhar il-15 ta’ Settembru. Għaldaqstant, għal dan ix-xahar ħsibna li nserrħu għajnejna fuq l-arazz tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li jirrappreżenta lil Ġesù msallab proprju fil-punt li s-salib qed jiġi merfugħ biex jitwaqqaf dritt, bħal donnu siġra li qed titħawwel. Fl-istess waqt diffiċli sserraħ għajnejk fuq xena daqstant movimentata. Imma, anke jekk ikollna nimmeditaw ir-rakkonti tal-Passjoni li nsibu fl-Evanġelji, se nsibu l-istess kakofanija ta’ kliem, azzjonijiet u avvenimenti li fl-istess waqt jiffurmaw l-armonija paradossali tal-misteru tal-fidwa.

Bħal ħafna mill-oħrajn, dan l-arazz hu mfassal fuq il-pittura tal-istess suġġett tal-artist Belġjan Peter Paul Rubens f’għamla ta’ trittiku li llum jinsab fil-Katidral ta’ Antwerp. L-għamla tat-trittiku minnha nnifisha tkompli tenfasizza d-drammatiċità tal-ewwel esperimenti fl-arti Barokka ta’ dan l-artist. Teżisti wkoll opra oħra bl-istess suġġett tal-artist u fuq l-istess tifsila. Din hi mpittra bħala xbieha sħiħa fuq il-karta, u llum tinsab fil-Gallarija tal-Arti ta’ Ontario, il-Kanada.

Peter Paul Rubens, Il-Kruċifissjoni, Katidral ta’ Antwerp, il-Belġju

L-intensità tax-xena minn banda tifxlek fejn se taqbad tħares u fuq liema dettall se tiffoka. Imma bla dubju l-qawwa u d-dinamiċità tal-ġest tas-Salib li qed jitwaqqaf f’postu mill-ewwel tqanqlek biex issammar għajnejk fuq Kristu mislub mas-Salib li, kif iħabbar il-Profeta Isaija fir-Raba’ Kantiku tal-Qaddej Sofferenti ta’ Alla, “Bħal xitla kiber quddiemna, u bħal għerq minn art niexfa” (Is 53, 2).

Quddiem is-sbuħija paradossali ta’ din ix-xena mid-dramm makabru tal-passjoni, ħalli l-movimenti differenti jħarrkuk biex tersaq lejn is-Salib tal-Mulej u inti wkoll tagħti tefgħa biex jitwaqqaf bħala għajn ta’ salvazzjoni għal kull min iħares lejh.