Il-Firda bejn il-Lemin u x-Xellug

It-Tieni Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Kruċifissjoni, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Id-dinja tinsab ħuġġieġa waħda; it-taqbida bejn Kristu u l-antikrist qed tiħrax u toħroġ fil-beraħ. Dan ifisser li, jekk inti taqtagħha li tkun ta’ Kristu, jista’ jintalab minnek is-sagrifiċċju ta’ ħajtek.

Edith Stein: Vita, Dottrina, testi inediti (Roma, 1987), 127-130.

Iċ-ċentralità dinamika tas-Salib li qed jiġi mwaqqaf isservi ta’ linja diviżorja djagonali bejn il-lemin u x-xellug. Din d-darba mhijiex sempliċiment kwistjoni ta’ ħalliel tajjeb u ħalliel ħażin mislubin miegħu—fil-fatt, fl-isfond fuq il-lemin min-naħa tal-ispettatur jidhru dawn iż-żewġ figuri. Id-dikotomija hija bejn dawk li sabu ruħhom fuq in-naħa t-tajba tas-Salib u l-istorja u dawk li sabu ruħhom fuq in-naħa l-ħażina. Fuq naħa għandek lil Omm Ġesù u d-Dixxiplu l-Maħbub bil-wieqfa, sofferenti imma sodi, u taħthom in-nisa ta’ Ġerusalemm u wliedhom jibku, skont ma Ġesù stess jgħidilhom matul it-triq lejn il-Kalvarju: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom” (Lq 23, 28). Fuq in-naħa l-oħra nsibu żewġ suldati riekba fuq żiemel—u allura wieħed jassumi li kienu ta’ grad ogħla—wieħed jipponta l-lanza lejn Ġesù, b’antiċipazzjoni tan-nifda ta’ ġenb Kristu wara mewtu (ara Ġw 19, 34), u l-ieħor bl-istandard tal-Imperu Ruman.

Anke bejn dawk li ġew misluba miegħu nistgħu ngħidu li tidher din il-qasma: filwaqt li wieħed minnhom diġà hu mixħut fuq is-Salib u se jibda jiġi msallab fuq in-naħa tas-Suldati Rumani, l-ieħor qed jiġi mbuttat lejn n-naħa l-oħra, kif anke tindika l-id tas-suldat li qiegħed miegħu.

Din id-dikotomija bejn dawk tal-lemin u dawk tax-xellug ta’ Kristu—li nsibuha fil-parabbola ta’ Ġesù li jagħmel il-ħaqq u jqiegħed in-nagħaġ fuq il-lemin u l-mogħoż fuq ix-xellug (Mt 25, 31-46)—hija ferm importanti għall-artist Rubens li fuq ix-xogħol tiegħu hu mfassal dan l-arazz. Fil-fatt, l-għamla trittika tal-pittura oriġinali li nsibu fil-Katidral ta’ Antwerp bi Kristu u dawk li qed isallbuh fin-nofs, u ż-żewġ gruppi distinti fuq panew għalihom fuq kull naħa iktar toħroġ il-qawwa ta’ din id-distinzjoni.

Peter Paul Rubens, Il-Kruċifissjoni, Katidral ta’ Antwerp, il-Belġju

“Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda.”

Luqa 12, 51

Is-Salib u l-ġrajjiet—kemm personali, kemm ekkleżjali, u kif ukoll soċjali—ipoġġu quddiemna din l-istess għażla dwar liema naħa se nagħżlu li nkunu: jekk hux ma’ dawk ta’ fuq il-lemin ta’ Kristu li l-istandard tagħhom hu s-Salib, merfugħ bħas-serp tal-bronż fid-deżert bħala għajn ta’ salvazzjoni (ara Ġw 3, 14), jew ma’ dawk li jaggregaw ruħhom wara l-kenn tal-istandard tad-dinja li joffri r-rebħa issa imma huwa diġà tellief. X’se tagħżel illum, issa, u għall-ġejjieni?