Is-Sitt Riflessjoni – Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla
Wara s-sagrifiċċju u l-mewt tiegħu,
hu qam, biex ma jmutx aktar;
issa, bħala Vittma dejjem ħajja,
bla heda joffrulek lilu nnifsu għalina;
u, bħala Avukat tagħna, ma jiqafx jidħol għalina quddiemek.
Missal Ruman, It-Tielet Prefazju tal-Għid
F’pendent ieħor taħt il-koppletta hemm anġlu bi ktieb maġenbu u qiegħed iżommu kemm kemm miftuħ b’idu fih. Maġenb dan l-anġlu fl-isfond jidher salib jiddi u quddiemu ħaruf. Fir-Raba’ Evanġelju, Kristu hu deskritt minn Ġwanni l-Battista bħala “l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1, 29). Fl-istess Evanġelju, Kristu, il-Ħaruf veru, imut fil-ħin li fih kienu qed jiġu maqtulin il-ħrief għall-ikla tal-Għid.
Ix-xbieha tal-ħaruf nerġgħu narawha wkoll fil-Ktieb tal-Apokalissi. F’Kapitlu 5 il-Ħaruf huwa kemm “wieqaf” u kif ukoll “bħal maqtul,” u fl-istess waqt hu deskritt bħala “l-Iljun tat-tribù ta’ Ġuda” (Apok 5, 5-6). Huwa biss il-Ħaruf waħdu li jistħoqqlu jiftaħ il-ktieb tal-ħaqq u, lejn tmiem il-ktieb, għandna deskrizzjoni tal-hena ta’ dejjem bħala l-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf fejn l-għarusa hi Ġerusalemm tas-sema.
F’dan il-kuntest kollu, il-ħaruf huwa simbolu kemm ta’ dgħufija u offerta, u kif ukoll ta’ rebħa u glorja. Imma dawn iż-żewġ estremi jissieħbu flimkien biss permezz tas-salib. Sieħeb dak kollu li hu dgħufija fik mas-salib tal-Ħaruf sabiex miegħu wkoll taqsam fil-glorja u r-rebħ.