Qum, Arpa u Ċetra

Il-Ħames Riflessjoni – Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla

Sħiħa qalbi, o Alla!

Ħa ngħanni u ninseġ għanja:

Qum, ruħ tiegħi, qum arpa u ċetra!

Ħa nqajjem sbieħ il-jum!

Infaħħrek, Mulej, fost il-popli,

ngħannilek fost il-ġnus;

għax m’ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek,

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

Salm 108, 2-5

Anġlu ieħor li nsibu taħt il-koppletta tal-Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika tal-Isla għandu f’idu waħda arpa ċkejkna u f’idu l-oħra ktieb b’seba’ siġilli. L-arpa tissimbolizza l-għana ta’ tifħir—kif anke litteralment tfisser il-kelma Salm fil-lingwa oriġinali Griega (psalmos), jiġifieri għanja li titkanta mal-mużika tal-arpa.

Il-ktieb għandu fuqu l-Ki (Χ) u r-Ro (Ρ) fuq xulxin fin-nofs, li huma l-ewwel żewġ ittri bil-Grieg tat-titlu Kristu (Χριστός). Maġenbhom hemm ukoll l-ewwel u l-aħħar ittri tal-alfabett Grieg, l-Alfa u l-Omega, li fil-Ktieb tal-Apokalissi Kristu japplikahom għalih innifsu tliet darbiet (Apok 1, 8; 21, 6; 22, 13) biex ifisser li hu l-bidu u t-tmiem. Il-ktieb bis-seba’ siġilli nsibuh ukoll fil-Ktieb tal-Apokalissi. Huwa l-ktieb li jinfetaħ mill-Ħaruf fil-preżenza tal-erbgħa u għoxrin Xiħ u li ma’ kull siġill li jinfetaħ iseħħu wieħed wara l-ieħor id-diżastri li kellhom iwasslu għat-tmiem ta’ kollox.

Il-ktieb ifakkarna fid-dimensjoni eskatoloġika tal-Ewkaristija. Kif insibu fl-Ittra Appostolika Dies Domini ta’ San Ġwanni Pawlu II:

L-istennija għat-tieni miġja ta’ Kristu tinsab imniżżla fil-qalba tal-misteru tal-Knisja u tidher f’kull ċelebrazzjoni ewkaristika. Iżda għax f’Jum il-Mulej issir it-tifkira speċifika tal-glorja ta’ Kristu rxoxt, dan il-jum b’aktar qawwa jfakkar il-glorja li għad ikollu l-Mulej meta “jerġa’ jiġi” … Il-Knisja, hi u tiġbor ′l uliedha għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika u tgħallimhom jistennew “l-Għarus divin”, timpenja ruħha f’sura ta’ “ħidma ta’ tama”, hija u tħoss minn qabel l-hena ta’ art ġdida u smewwiet ġodda, meta l-belt qaddisa, Ġerusalemm tas-sema tinżel mingħand Alla, “imżejna bħal Ġħarusa għal Għarus tagħha” (Apok 21, 2).

San Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika, Dies Domini (1998), par. 37

Meta tieħu sehem fil-quddiesa ħalli tassew tinżel f’qalbek din id-dimensjoni ta’ stennija, jiġifieri li, filwaqt li nirċievu lill-Mulej ġewwa fina, aħna qegħdin nistennew il-laqgħa tagħna miegħu wiċċ imb wiċċ.