Dan mhuwiex Bin il-Mastrudaxxa?
It-Tielet Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Agunija ta’ San Ġużepp meqjuma fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi
O Alla, li ħlaqt kollox, int għamilt għall-bniedem il-liġi tax-xogħol; fil-ħniena tiegħek, agħtina li bl-eżempju u l-ħarsien ta’ San Ġużepp, nagħmlu dak li inti trid minna u niksbu l-ħlas li wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Kolletta tat-Tifkira ta’ San Ġużepp Ħaddiem
Fil-kantuniera tal-lemin tan-naħa ta’ isfel ta’ din il-pittura tal-Agunija ta’ San Ġużepp meqjuma f’Ħal Safi, naraw puttin b’ċana f’idu u kważi kważi tistħajlu qed jipprova jirraġuna magħha jew jara kif ser jużaha. Madwaru għandu wkoll xi għodod oħra marbutin mas-sengħa ta’ mastrudaxxa. It-terminu użat fl-Evanġelji għas-sengħa ta’ Ġużeppi u anke ta’ Ġesù (tektón) huwa relattivament ġeneriku, imma fis-Septwaġinta (it-traduzzjoni tal-Bibbja Lhudija bil-Grieg) jintuża biex jirreferi kemm għall-persuna tas-sengħa in ġenerali u kif ukoll speċifikament għal xi ħadd li jaħdem fl-injam (b’mod partikolari meta jissemmew listi ta’ ħaddiema tas-sena differenti). Lil hinn minn x’kien eżatt ix-xogħol ta’ Ġesù u tal-missier putattiv tiegħu, il-preżenza tal-għodda f’din ix-xena tfakkar fl-għażla ta’ Alla li jidħol għal kollox fl-esperjenza umana. Tfakkarna fl-għażla ta’ Alla li jitgħallem minn bniedem kif ‘joħloq’ dak li hu utli u wkoll dak li hu sabiħ. Tfakkarna fl-għażla li bħala bniedem jissieħeb fit-tkomplija tax-xogħol tal-Ħallieq fdata bħala missjoni lill-bniedem.
Meta l-bniedem joffri x-xogħol lil Alla jingħaqad mal-ħidma tal-fidwa ta’ Ġesù Kristu li ta lix-xogħol dinjità l-aktar għolja meta f’Nazaret ħadem b’idejh stess.
Gaudium et Spes, par. 67
Inti u tħares lejn il-figura tal-mastrudaxxa ta’ Nazaret li qeda l-missjoni tiegħu sal-aħħar b’fedeltà permezz ta’ xogħol idejh, agħraf li inti wkoll ġejt mogħti l-istess sehem fis-salvazzjoni tad-dinja. Hi x’inhi l-ħidma tiegħek, agħraf li fik hemm taħdem il-qawwa tal-Ħallieq li tnebbaħ il-kreattività tiegħek—qawwa li titlob minna skiet, wisa’ u attenzjoni sabiex ikollha fejn timraħ u tikber.