Waqqaf l-għarix tiegħu fostna

L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Adorazzjoni tal-Maġi, Ħal Għaxaq

Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej,

li inti rfajt għal min jibża’ minnek,

li int ħejjejt għal min jafda fik,

quddiem il-bnedmin kollha!

Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom

kontra t-tnassis tal-bnedmin;

fl-għarix tiegħek taħbihom

kontra t-tqassis tal-ilsna.

Salm 31, 20-21

Aħna u nikkontemplaw fil-liturġija l-misteru tal-Epifanija—ta’ Alla li juri ruħu lill-ġnus fil-persuna ta’ Ġesù Kristu—jixraq li nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq waħda mill-ħafna rappreżentazzjonijiet li nsibu ta’ din ix-xena fil-knejjes tagħna. Waħda minnhom hija dik li nsibu mpittra mas-saqaf tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Għaxaq, xogħol tal-artist Emvin Cremona, wieħed mill-aqwa artisti Maltin tas-seklu għoxrin.

Il-kompożizzjoni ta’ din ix-xena hija pjuttost mimlija bil-protagonisti li jiffurmaw dan ir-rakkont akkumpanjati minn għadd ta’ puttini. Fl-ewwel terz tax-xena fuq ix-xellug insibu l-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, bil-ħarsa kurjuża tagħhom lejn l-ewwel rigal li qed jiġi ppreżentat mill-għorrief tal-Lvant. Fuqhom nieżel dawl mis-sema li jenfasizza t-teofanija li sseħħ permezz ta’ din il-laqgħa mal-Maġi—Alla li juri ruħu lill-ġnus.

Il-Familja Mqadda qiegħda mkenna taħt għarix/tinda, dehra nomada tipika tal-Lvant Nofsani. Hija wkoll rappreżentazzjoni grafika ta’ dak li nsibu fil-Prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann: “U l-Verb sar bniedem u għammar fostna”, li litteralment tiġi tradotta għal “waqqaf l-għarix tiegħu fostna” (Ġw 1, 14).

Inti u tħares lejn din ix-xena, ftakar li f’Ġesù Alla bena daru f’nofs djarna, sar ġar tiegħek, wieħed bħalek. Ħalli dan il-misteru jnissel sens ta’ adorazzjoni fil-familjarità u l-viċinanza.