Sa xejbitkom jien nibqa’ nġorrkom

It-Tieni Riflessjoni dwar l-Adorazzjoni tal-Maġi, Ħal Għaxaq

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek.

Imqar meta nixjieħ u jibjad xagħri,

la tinsinix, o Alla;

sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel,

il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.

Salm 71, 17-18

Fin-nofs għal-lemin tal-pittura tal-Adorazzjoni tal-Maġi fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Għaxaq, Emvin Cremona jpoġġi t-tliet għorrief mil-Lvant, wieħed għarkupptejh jadura lil Ġesù u joffrilu l-ewwel rigal, filwaqt li t-tnejn l-oħra qegħdin kemm kemm warajh bil-wieqfa jistennew li jkun imisshom huma biex jagħmlu l-istess ħaġa.

Barra s-simboliżmu tar-rigali f’rabta mal-identità ta’ Kristu, it-tradizzjoni nisranija maż-żmien qabblet dawn it-tliet figuri ma’ tliet stadji tal-ħajja: iż-żgħożija, il-maturità u x-xjuħija. Dan l-element xi ftit jew wisq jidher ukoll f’din il-pittura, b’mod partikolari fil-lewn tax-xahar: wieħed għad għandu xagħru skura u l-leħja rqiqa; l-ieħor b’xagħar ixheb (griż) u l-leħja xehba u folta; u dak li qiegħed għarkupptejh b’xagħar ixjeb (abjad) u l-leħja xejba u iktar ffullata.

Dan l-element artistiku fih profondità ta’ tifsir meta applikat għall-ħajja tan-Nisrani. L-Iskrittura Mqaddsa tagħti tifsiriet differenti lil stadji differenti tal-ħajja:

Il-foħrija taż-żgħażagħ hi saħħithom,

u l-bjuda ta’ xagħarhom il-ġieħ tax-xjuħ.

Prov 20, 29

Kont żagħżugħ, u issa xjeħt,

u qatt ma rajt il-ġust minsi,

jew uliedu jittallbu ħobżhom.

Dejjem iħenn u jislef bil-qalb,

u wliedu jgħixu bil-barka.

Salm 37, 25-26

Kull stadju tal-ħajja jsib it-tifsira tiegħu fil-preżenza tal-Mulej. F’kull stadju tal-ħajja jeħtieġ li nagħtu tweġiba mġedda lill-Mulej, skont iċ-ċirkostanzi li fihom inkunu ninsabu.

Kif qiegħed isejjaħlek biex taqdih u tqimu f’dan l-istadju ta’ ħajtek? Xi tweġiba jridek tagħti f’dal-punt tal-mixja tiegħek warajh?