Deus meus et Omnia
It-Tielet Riflessjoni dwar l-Apoteosi ta’ San Franġisk fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Valletta
Twajjeb Mulej, int l-ogħla, tista’ kollox,
għalik huma t-tifħir, is-sebħ, il-ġieħ, u kemm hawn barka.
Jixirqu lilek biss, ja l-aktar Għoli,
u l-ebda bniedem ma jistħoqqlu jlissen ismek.
San Franġisk, L-Għanja tal-Ħlejjaq
Jakkumpanja lil San Franġisk quddiem is-sebħ tal-Mulej, fuq ix-xellug tal-pittura, insibu anġlu jżomm strixxun f’idejh li fuqu hemm miktub il-kliem: Deus meus et Omnia—Alla tiegħi u l-Kollox tiegħi. Din kienet il-mantra li kien spiss jirrepeti San Franġisk u li fuqha fassal ħajtu u ħajjet l-aħwa li għexu miegħu. Kliem li jfakkarna kemm li mingħajr Alla ma nistgħu naslu mkien, u kif ukoll, f’dak kollu li ngħixu u nwettqu, Alla jrid ikun fiċ-ċentru ta’ kollox. Inkella nsibu ruħna nagħmlu affarijiet tajba imma l-għan li għalih nagħmluhom ma jkunx dak li bħala nsara msejħin ngħixu.
Iktar ’l isfel insibu żewġ referenzi oħra għall-Ordni tal-Aħwa Franġiskani, b’mod partikolari dawk Konventwali: fuq il-lemin hemm il-Bażilika ta’ San Franġisk u s-Sacro Convento hekk kif jidhru inti u tiela’ lejn il-belt ta’ Assisi; fuq ix-xellug hemm tliet anġli jżommu skudett bl-emblema tal-Ordni. Fiċ-ċentru tal-arma nsibu l-għuda tas-salib bid-dija ħierġa minnha, u bħal donnha maqbuda bejn żewġ dirgħajn, waħda ta’ Ġesù u l-oħra ta’ San Franġisk, it-tnejn iġorru l-pjaga tal-imsiemer. Iż-żewġ dirgħajn huma ħerġin mis-sħab, simbolu tas-sema, imma forsi wkoll xbieha tas-sħab li għatta bil-misteru tal-preżenza ta’ Alla kemm il-quċċata tal-Golgota fejn il-Mulej ssallab għalina u kif ukoll il-muntanja La Verna fejn San Franġisk twaħħad ma’ Ġesù fil-misteru tal-passjoni tiegħu.
Hekk kif bil-menti tiegħek tħalli lilek innifsek tittieħed lejn il-belt ta’ Assisi u tterraq l-istess toroq li terraq il-qaddis tagħna, ħalli jidwi f’widnejk il-kliem “Deus meus et Omnia,” u ħalli wkoll is-sliem u l-kalma ta’ din l-għażla li Alla jkun il-Kollox tiegħek jimla ’l qalbek.