Il-virtù tinsab fit-triq tan-nofs

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar l-Apoteosi ta’ San Franġisk fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Valletta

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawlin f’dar il-Mulej,

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna.

Salm 92, 13-14

Isfel nett tax-xena grandjuża tal-Apoteosi ta’ San Franġisk insibu struttura arkitettonika li bħal donnha sservi ta’ sies għax-xena kollha. Fuq din l-istruttura hemm bilqiegħda erba’ figuri femminili li jirrappreżentaw erba’ virtujiet li spikkaw fil-ħajja ta’ dan il-qaddis:

  • Charitas, l-imħabba li tiġi mfissra b’figura materna—omm b’żewġ ulied;
  • Fortitudo, il-qawwa rraffigurata minn figura kavallereska femminili;
  • Religionis Amor, l-imħabba tar-reliġjon imlibbsa kemm b’velu u kif ukoll bil-kappa saċerdotali, bl-inċens f’idha l-leminija u żżomm is-salib b’idha x-xellugija;
  • Humilitas, l-umiltà rrappreżentata bħala mara mistura kważi għal kollox bi lbies lewn il-ħajt li fuqu hi mistrieħa, b’rasha baxxuta u b’idejha msallbin fuq sidirha.

Dwar il-femminilità tal-virtujiet tista’ tirreferi għar-riflessjoni dwar il-Virtujiet Kardinali.

F’nofs l-istruttura arkitettonika li fuqha jistrieħu l-erba’ virtujiet hemm minqux skudett bit-trirenju fuqu u l-kelma Pax (paċi), kelma tant marbuta mal-ispiritwalità Franġiskana u li bħal donnu hawn tagħtina x’nifhmu li l-paċi tinkiseb fl-ekwilibriju ta’ dawn il-virtujiet kumplimentari.

Ftit ’il fuq minnhom nilmħu wkoll anġlu nieżel mis-sema u se jnewwel palma lill-virtù tal-Qawwa. Ġeneralment, fl-ikonografija, il-palma hija simbolu tal-martirju. Imma, għalkemm San Franġisk ma mietx martri, b’dak li sofra kemm matul ħajtu u kif ukoll minħabba l-pjagi u tant mard ieħor li kellu, il-qawwa li wera xorta stħaqqitlu jikseb il-palma tar-rebħa u jissieħeb ma’ dawk li ddaħħlu weqfin quddiem it-tron u l-Ħaruf (ara Apok 7, 9).

Il-proverbju Latin jgħid: in medio stat virtus—il-virtù tinsab fit-triq tan-nofs. Liema virtù minn dawn tħossha l-iktar b’saħħitha fik? Liema tarak nieqes fiha? Itlob għall-grazzja tal-ekwilibriju sabiex hekk ikollok il-paċi tassew u tasal għar-rebħa.