F’Idejk, Mulej
It-Tielet Riflessjoni dwar il-Kwadru tat-Tħabbira tal-Mulej fil-Katidral tal-Imdina
Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani,
agħtini widen u fittex eħlisni.
Kun blata tal-kenn għalija,
fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.
Inti l-blata u l-fortizza tiegħi;
f’ġieħ ismek mexxini u wassalni.
Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,
għax inti l-qawwa tiegħi.
F’idejk jien nerħi ruħi; int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.
Salm 31, 2-6
Inkomplu bil-kontemplazzjoni tal-kwadru tat-Tħabbira tal-Mulej li nsibu fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina. Dan ix-xogħol ta’ Domenico Bruschi tqiegħed f’postu f’Marzu tal-1886 flok pittura oħra bl-istess suġġett, xogħol tal-bottega ta’ Preti u li llum tinsab fil-mużew tal-Katidral. F’dan il-kwadru, Bruschi jagħmel użu minn kuluri ferm vivaċi. Marija hija rrappreżentata bl-ilwien tipiċi, jiġifieri bl-aħmar u l-ikħal. Is-safa ta’ Marija huwa wkoll enfasizzat bil-ġilju maġenbha (bħal donnu s-sieħeb tagħha) u l-biċċa drapp bajda nieżla minn fuq ħoġorha.
Ta’ min jinnota l-pożizzjoni ta’ jdejn Marija. F’ħafna mir-rappreżentazzjonijiet li għandna Malta ta’ din ix-xena, il-Madonna jkollha tal-anqas id waħda sserraħ fuq sidirha (forsi biex toħroġ b’mod artistiku l-mistoqsija tagħha quddiem dik it-tħabbira). Għall-kuntrarju, f’dan il-kwadru, il-Madonna qiegħda b’idejha miftuħa u donnhom merħijin ’l isfel b’sinjal abbandun totali għar-rieda ta’ Alla li jsalva l-umanità permezz tal-umanità stess; id-disponibbiltà tal-qaddejja quddiem Sidha. Hija din id-disponibbiltà tagħha li tippermetti li Alla jagħmel il-frott mis-safa tagħha.
Is-safa fil-perspettiva nisranija mhuwiex sempliċiment xi ħaġa negattiva—li niċċaħħad, nibqa’ nieqes—imma huwa wkoll wisa’, ftuħ, li jwassal għal laqgħa iktar intima li toħroġna mill-iżolament sterili tagħna: “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla” (Mt 5, 8). Kif tħares is-safa ta’ ruħek sabiex hekk tkun spazju miftuħ għal Alla?