Sħaba hekk Kbira ta’ Xhieda

It-Tieni  Riflessjoni dwar il-Kwadru tat-Tħabbira tal-Mulej fil-Katidral tal-Imdina

Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.

Lhud 12, 1-2a

Fost il-ħafna elementi innovattivi li nsibu f’dan il-kwadru ta’ Bruschi hemm il-preżenza ta’ għadd ta’ figuri profetiċi jtiru fl-ajru—kważi kważi bħal donnhom sħaba—u bi skrolli f’idejhom. Fuq kull skroll hemm kwotazzjoni mit-Testment il-Qadim miktuba bil-lingwa oriġinali, jiġifieri bl-Ebrajk, u li t-tradizzjoni nisranija tqisha bħala tħabbira minn qabel tat-tnissil ta’ Kristu, tal-irwol ta’ Marija f’dan il-misteru jew tal-verġinità tagħha.

Jekk nimxu mix-xellug għal-lemin, għandna lil:

  • Isaija, bil-kliem “issemmih Għimmanu-el” (Is 7, 14), li ssir referenza diretta għalih f’Mattew 1, 23, fir-rakkont tal-ħolma ta’ Ġużeppi;
  • Ġeremija, bil-kliem “Il-Mulej ħalaq ħaġa ġdida fl-art: il-mara ddawwar ir-raġel” (Ġer 31, 22), kliem li anke Missirijiet il-Knisja applikawh għall-fatt li Marija nisslet lill-Iben ta’ Alla f’ġufha bħala bniedem, fosthom San Ġlormu fl-ewwel ktieb Kontra Ġovinjanu (par. 32; PL 23.256);
  • is-Sultan David, bil-kliem “Fuqek serraħt sa minn twelidi, sa minn ġuf ommi inti ħadtni” (Salm 71, 6). Għalkemm mhuwiex profeta fis-sens proprju tal-kelma, xorta waħda t-tradizzjoni u d-devozzjoni nisranija tqis lil David bħala profeta, b’mod partikolari meta il-ktieb tas-Salmi jiġi attribwit lilu. Barra minn hekk, David jirċievi tħabbira mingħand il-profeta Natan li l-istess Evanġelista Luqa jqisha bħala profezija messjanika (1 Sam 7, 12)—forsi wieħed jista’ jara l-figura li hemm qiegħda bħal donnha tfesfes f’widnejn David bħala allużjoni għal dan il-fatt;
  • Eżekiel, bil-kliem “għax il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għadda minnu, għalhekk għandu jibqa’ magħluq” (Eżek 44, 2), kliem applikat bħala tħabbira tal-verġinità perpetwa ta’ Marija.

Kull waħda minn dawn is-siltiet bibliċi titlob waqfa ta’ riflessjoni personali. Iżda l-preżenza ta’ dawn il-figuri f’dehra ta’ spirti minnha nnifisha ddiehen l-istennija tagħna f’dan iż-żmien qaddis tal-Avvent. Għalkemm m’għadhomx tal-art, Bruschi jpoġġi dawn il-figuri ’l isfel mid-dawl smewwi sabiex joħroġ il-fatt li dawn il-bnedmin ġusti kienu għadhom qegħdin jistennew il-miġja tal-ħellies ta’ Iżrael ħalli jkunu jistgħu jidħlu fil-hena ta’ dejjem. Iżda l-istennija tagħhom mhijiex frustrata imma hi kollha fiduċja fil-Mulej li t-tama li nebbaħ f’qalbhom għad isseħħ.

“Aħna dejjem qegħdin nistennew, imma hija stennija bil-konvinzjoni li diġà rajna l-passi ta’ Alla.”

Henri Nouwen, Bread for the Journey

X’qiegħed tistenna? Kif qiegħed tistenna?