Marija fl-Inkwatru tal-Pentekost

Għid il-Ħamsin

Marija fl-Inkwatru ta’ Francesco Grandi fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina

Spirtu s-Santu, dawwal is-sensi u kebbes il-qalb tal-iskulari ta’ Ġesù Kristu

Amen

San Gorg Preca
Pittura li tirraprezenta Pentekoste fil-Kattridral tal-Imdina

Din il-pittura tinsab fuq l-ewwel altar fuq in-naħa tax-xellug, xħin tidħol fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina. Il-pittura tirrappreżenta l-mument tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-ewwel insara f’forma ta’ ilsna tan-nar, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli (Atti 2, 1-4). Hija xogħol l-artist Taljan, Francesco Grandi (1831-1891) u taqbel ferm mal-istil Barokk ta’ dan il-maqdes.

Ix-xena sseħħ proprju fi struttura bażilikali, kif jindikaw il-kolonna u wkoll it-tarġa u s-sedja min-naħa tal-lemin għan-nofs.

Il-Figura ta’ Marija fl-Inkwatru

L-azzjoni donnha tiffoka madwar il-figura ta’ Marija, Omm Ġesù, imqiegħda fuq din it-tarġa ogħla u quddiem is-sedja, bħal donnha qed tippresiedi lill-aħwa fit-talb, imdawra mill-Appostli (Atti 1, 13-14). Ix-xena bħal donnha toħloq paralelliżmu bejn dak li jseħħ fl-ewwel kapitli tal-Atti tal-Appostli u dak li San Luqa stess jirrakkonta fl-Evanġelju (l-ewwel volum tal-opra tiegħu).

Fil-belt ċkejkna ta’ Nazaret, l-Ispirtu Qaddis jinżel fuq din ix-xbejba u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqha biex, bl-“iva” tagħha, fiha jitnissel il-Feddej tad-dinja (Lq 1, 26-38). Issa, hawn fiċ-ċenaklu, iseħħ tnissil verġinali ieħor: bil-qawwa tal-istess Spirtu titnissel il-Knisja, li tagħha Marija hija l-ogħla membru imma wkoll xbieha perfetta. Flimkien mal-Appostli hija tirċievi d-don tal-Ispirtu għal darba oħra, din id-darba biex twettaq il-missjoni tagħha ta’ omm fi ħdan il-Knisja.

Permezz tad-don tal-Ispirtu, aħna wkoll ġejna mnisslin bħala ulied adottivi ta’ Alla u wlied il-Knisja. U dan id-don mhuwiex għall-benefiċċju tagħna biss, imma biex, bħal Marija, nilqgħu l-grazzja, inħalluha tagħmel il-frott fina biex hekk minna wkoll toħroġ il-ħajja.

Tista’ taqra it-tieni parti fis-26 ta’ Mejju 2021