Morru … għammduhom fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

L-Iskroll u l-Ġarra – Għejun tal-Ġrazzja t’Alla

It-Tieni Riflessjoni fuq l-Inkwatru ta’ Pentecoste fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina

O Alla, int b’ħafna grazzji tkattar il-popli li jemmnu fik: ħares bit-tjieba lejn dawk li ħtart għalik, biex kull min twieled mill-ġdid bis-sagrament tal-magħmudija, jimtela’ bil-ħajja ta’ dejjem u jgawdi hena bla tmiem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Kolletta tas-Sibt fost l-Ottava tal-Ġħid

Il-pittura tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu li nsibu fil-Katidral tal-Imdina tfakkarna fil-missjoni li Kristu jħalli f’idejn il-Knisja wara li din tirċievi l-Ispirtu Qaddis nhar Għid il-Ħamsin.

Fin-naħa ta’ isfel bħal donnu hemm wisa’ vojt fuq il-paviment fejn hemm mifruxa xi oġġetti li huma simbolu tal-ħajja tal-Knisja.

Fuq in-naħa tax-xellug hemm l-iskroll, li fuqu tinkiteb l-Aħbar it-Tajba taħt l-ispirazzjoni tal-istess Spirtu Qaddis, u li minnu wkoll titħabbar u tibqa’ tixxandar f’kull żmien u sa truf l-art kollha.

Fuq il-lemin, il-ġarra u l-baċir maġenbu, xbieha tal-magħmudija li permezz tagħha ninħaslu minn dnubietna imma wkoll nirċievu d-don tal-Ispirtu ċċelebrat f’din il-pittura. B’estensjoni, il-magħmudija tfakkarna fis-sagramenti l-oħra tal-Knisja li permezz tagħhom, bil-qawwa tal-Ispirtu, aħna nirċievu l-grazzja f’mumenti u stadji differenti tal-ħajja tagħna u niksbu wkoll il-qawwa biex inwettqu l-missjoni fdata lilna.

Aħna li qegħdin inħarsu lejn din il-pittura minn taħtha, bħal donna bil-wieqfa fuq l-istess paviment imxaqleb lejna (u allura parti minn din l-istess xena), u tant viċin tal-bieb tal-Katidral, quddiemna wkoll jitpoġġew dawn iż-żewġ għejun ta’ grazzja—il-Kelma u s-Sagramenti. Huwa fihom li niltaqgħu mal-Mulej Irxoxt. Huwa permezz tagħhom li nistgħu noħorġu mill-bieb tal-Knisja mal-kmand, “Morru fil-paċi ta’ Kristu,” u, bla ma nitilfu din il-preżenza ġewwa fina, naqsmuha wkoll mal-oħrajn madwarna.