L-Ispirtu t’Alla li Jittrasforma

Pentekoste -It-Tielet Riflessjoni

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.

Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,

bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

Isaija 61, 10

Il-ġarra ħdejn riġlejn Marija, fl-pittura tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu li nsibu fil-Katidral tal-Imdina, f’moħħna tagħmel ukoll konnessjoni ma’ episodju ieħor fl-Evanġelju, dak tat-tieġ ta’ Kana.

Dakinhar, l-ilma fil-ġarar tal-fuħħar ġie mibdul f’inbid, li bħal donnu f’din il-pittura qed ifur mill-ġarra b’dak il-mantell aħmar.

Dakinhar, għalkemm is-siegħa kienet għada ma waslitx, għall-insistenza ta’ ommu, Ġesù jagħmel l-ewwel sinjal tiegħu. “Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2, 11). L-Evanġelista jkompli jirrakkonta kif, “Wara dan, niżel Kafarnahum, hu, ommu, ħutu u d-dixxipli tiegħu” (Ġw 2, 12). 

Fl-Atti tal-Appostli, ix-xena bħal donnha terġa’ tpoġġilna l-istess figuri—ommu, ħutu u d-dixxipli (Atti 1, 13-14). Din id-darba, flok Ġesù, hawn il-preżenza tal-Ispirtu mwiegħed minnu: “Madankollu, ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom” (Ġw 16, 7). Huwa permezz tal-Ispirtu li l-ilma mdardar u maħmuġ tal-ħajja tagħna jinbidel fi nbid tajjeb. U huwa f’dan l-inbid tat-trasformazzjoni u l-grazzja tal-Mulej li nistgħu nsibu l-ferħ veru—“l-hena”, wieħed mill-frott tal-Ispirtu (ara Gal 5, 22). Kif jgħid ir-raħeb xwejjaħ fil-ktieb L-Aħwa Karamazov ta’ Fyodor Dostoeksky, “Hu għamel lilu nnifsu bħalna fl-imħabba tiegħu u jifraħ magħna. Hu qiegħed ibiddel l-ilma fi nbid biex il-ferħ tal-mistednin ma jonqosx.” Jalla l-hena veru tagħna ma jiġi qatt nieqes għax hu hena mfittex u misjub fil-Mulej waħdu.