Il-Ħarsa kollha Mħabba

L-Ewwel Riflessjoni fuq il-Pittura tal-Laqgħa ta’ San Pietru u San Pawl

Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa,

li l-aħwa jgħammru flimkien!

Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras,

li jinżel mal-leħja tiegħu,

li jinżel mal-leħja ta’ Aron,

sa fuq l-għonq ta’ ħwejġu.

Hu bħan-nida tal-Ħermon,

li tinżel fuq l-għoljiet ta’ Sijon;

għax hemm il-Mulej jagħti l-barka,

hemm jagħti l-ħajja għal dejjem.

Salm 133

F’dawn ir-riflessjonijiet li ġejjin ser nikkontemplaw waħda mil-lunetti li hemm ħdejn l-altar ta’ San Pietru fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta. Dan ix-xogħol ta’ Mattia Preti li tpitter qrib is-sena 1662 jifforma parti minn ċiklu ddedikat lil San Pietru u li jikludi l-ħelsien ta’ Pietru mill-ħabs bħala pittura fuq l-altar u l-martirju ta’ Pietru fil-lunetta l-oħra. 

Fl-Atti tal-Appostli u fl-Ittri ta’ San Pawl insibu għad ta’ referenzi għal okkażjonijiet fejn dawn iż-żewġ appostli sabu ruħhom fil-ħabs. F’dawk id-drabi, ġew meħlusa għax is-siegħa tagħhom kienet għadha ma waslitx. Kien fadal iktar ħidma xi ssir. Imma issa kienet waslet is-siegħa, il-mument tal-prova.  

Għalkemm m’hemm l-ebda evidenza storika, din il-laqgħa tagħhom qabel il-martirju tissemma f’xi dokumenti medjevali u hija rappreżentazzjoni kostanti fl-ikonografija nisranija, magħrufa bħala l-Concordia Apostolorum. Sas-sena 1915, f’Ruma kien hemm ukoll kappella ċkejkna fuq Via Ostiense li tfakkar dan l-avveniment, imsejħa l-Kappella tas-Separazzjoni, . 

Preti jpoġġi fiċ-ċentru tax-xena lil dawn iż-żewġ protagonisti jħarsu lejn xulxin fi djalogu intimu (kif jindika fommhom miftuħ) filwaqt li wiċċhom—u l-figura sħiħa tagħhom—hu mdawwal b’raġġ ta’ dawl nieżel mis-sema, f’kuntrast mal-figuri l-oħra li huma xi ftit iktar imdella.

Mill-Ittri Pawlini nafu li r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ appostli mhux dejjem kienet tajba. Imma f’dik il-ħarsa hemm miġbura l-imħabba kollha tal-Knisja, fejn id-differenzi kollha ma jaslux li jissuperaw l-imħabba għal Kristu u l-imħabba għall-membri tal-ġisem tiegħu. Ħarsa li ġġagħalna nistaqsi fuq kif jiena ngħix l-kunflitti fi ħdan il-familja, fil-komunità, fil-Knisja. Xi jmexxina? L-imħabba reċiproka u t-tfittxija ġenwina għall-verità, jew sens ta’ superjorità u kburija?