Il-Maturità Nisranija

It-Tieni Riflessjoni fuq il-Pittura tal-Laqgħa ta’ San Pietru u San Pawl

Sa xjuħitkom jien dejjem hu,

sa meta jibjad xagħarkom nibqa’ nġorrkom.

Jiena għamiltkom u jien nitgħabba bikom;

u jien inġorrkom u nsalvakom.

Isaija 46, 4

Mattia Preti fil-lunetta tal-laqgħa ta’ Pietru u Pawlu li nsibu fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta, jurina żewġ irġiel misjurin sew biż-żmien. Preti jaddotta l-ikonografija tipika għal dawn iż-żewġ figuri: Pietru b’xagħru u d-daqna bojod u nnuklati; Pawlu qargħi u bid-daqna skura u ppuntata. Anke l-ilwien ta’ ħwejjiġhom huma dawk soltu użati: Pawlu liebes tunika ħadra u mantell aħmar, filwaqt li Pietru għandu tunika kaħla u mantell isfar—għażla li tinkludi l-kuluri primarji kollha, biex bħal donnha t-tradizzjoni ikonografika tfisser b’mod viżwali kif bejniethom jiġbru l-ilwien kollha tal-varjetà tal-Knisja.  

Għal dawn iż-żewġ appostli tgħodd il-wegħda magħmula lill-bniedem ġust f’Salm 92:

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,

u ebda qerq ma jinsab fih.

Salm 92, 15-16

Id-dehra xejbiena ta’ Pietru u ta’ Pawlu tfakkarna fl-għerf tal-Kotba Mqaddsa li tfakkar kif l-għaqal u d-dehen ma jinkisbux bil-ħila umana imma bil-mogħdija tas-snin u bl-esperjenzi li dawn iġibu magħhom li, veru, jistgħu jxarrfulna qalbna, imma jistgħu wkoll jiftħuha iktar u jwessgħuha.

Bil-Malti ngħidu, “Iż-żmien isajru l-bajtar.” F’għajnejn il-kultura li ngħixu fiha, bl-enfasi fuq iż-żogħżija (u l-bluha) perenni, l-inutilità tax-xjuħija u x-xewqa li, mat-tbatija, mis-soċjetà jiġu eliminati wkoll dawk li qed ibatu, il-maturità nisranija u s-serenità ikbar li ġġib magħha jistgħu jsiru sinjal ta’ dik il-ħlewwa tal-frott li tinkiseb biss meta jkun sar sewwa u wasal biex jibda jmur!