Hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem
It-Tieni Riflessjoni dwar l-Apoteosi ta’ San Franġisk fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Valletta
Mulej tiegħi, Ġesù Kristu, nitolbok żewġ grazzji qabel immut: qabel xejn, nitolbok li matul ħajti f’ruħi u f’ġismi nħoss kemm jista’ jkun l-istess tbatija li int, Ġesù l-aktar ħelu, ġarrabt fis-siegħa tal-Passjoni l-aktar ħarxa tiegħek; u t-tieni, nixtieq kemm jista’ jkun inħoss fil-qalb tiegħi dik l-istess imħabba kbira li biha int, Iben Alla, kont imkebbes tant li ridt iġġarrab tbatija hekk kbira għalina l-bnedmin.
San Franġisk
Il-maġġoranza assoluta tal-figuri li nsibu fuq din it-tila twila madwar ħdax-il metru għandhom il-ħarsa tagħhom iffukata fuq il-figura ta’ San Franġisk, b’mod partikolari l-qaddisin u l-anġli li hemm fis-sema, fosthom Marija Santissima, San Ġużepp, San Pietru u San Pawl, San Duminku, u San Publija (jintagħraf mill-ilbies episkopali tiegħu u l-palma tal-martirju). Imma San Franġisk mhuwiex eżatt fiċ-ċentru tal-pittura: fin-nofs hemm il-wisa’ bejn San Franġisk u Ġesù li wkoll qiegħed iħares lejh sabiex idaħħlu fil-glorja tal-Missier.
Il-linja djagonali bejn San Franġisk b’idejh miftuħa beraħ, bħal donnu lest biex iħaddan l-imħabba ta’ ħajtu, u Ġesù bil-kurċifiss f’idu l-leminija u b’idu x-xellugija wkoll miftuħa tifforma l-qalba ta’ din il-pittura. Din il-laqgħa hija l-glorja vera ta’ San Franġisk.
Dak li ltaqa’ miegħu mislub u mħaddan minn serafin fuq il-muntanja La Verna issa qed jiltaqa’ miegħu wiċċ imb wiċċ irxuxtat u rebbieħ, ukoll jekk xorta waħda bil-pjagi, mhux iżjed inixxu imma bħal donnhom, flimkien mas-salib, isiru t-trofew tar-rebħa. Din hija s-seħħa fil-milja tagħha tal-esperjenza mistika ta’ San Franġisk fuq La Verna.
Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem.
San Irinew, Kontra l-ereżiji, 4.20.7 (PG 7.1037)
Xi nqis bħala l-glorja tiegħi? Qiegħed infittixha fil-Mulej? Qiegħed inħalli l-pjagi tiegħi jiltaqgħu ma’ tiegħu biex hekk minnhom toħroġ il-ħajja?