L-Anġlu li jagħti dahru …

L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Apoteosi ta’ San Franġisk fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Valletta

Il-mibegħda tqanqal il-ġlied,

imma l-imħabba tgħatti kull ħtija.

L-għerf jinsab fuq fomm min jifhem,

imma l-bastun għal dahar min hu bla moħħ.

In-nies bil-għaqal jaħżnu l-għerf,

imma kliem l-iblah iqarreb il-qerda.

Proverbji 10, 12-14

Waħda mill-knejjes ferm iffrekwentati fil-Belt Valletta—anke minħabba l-post fejn tinsab fi Triq ir-Repubblika—hija l-knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali ddedikata lil San Franġisk ta’ Assisi. L-ewwel ħaġa li tolqtok xħin tidħol f’din il-knisja kemxejn mudlama hija t-tila enormi li ssib fuq rasek, xogħol l-artist Malti Giuseppe Calì u li tirrappreżenta d-dħul ta’ San Franġisk fil-glorja tas-sema. Din il-pittura flimkien mad-dekorazzjoni tal-bqija tas-saqaf ġiet inawgurata fl-1907, bi tħejjija għall-festi ċentinarji mit-twaqqif tal-Ordni fl-1209.

Calì kellu rwol importanti fl-iżvilupp tad-dekorazzjoni tal-knejjes Maltin. Kien hu li introduċa tendenzi u influwenzi ġodda fix-xenarju artistiku Malti li kien xi ftit jew wisq staġnat. Din ix-xena tal-Apoteosi ta’ San Franġisk turi influwenzi ta’ Verismo u prinċipji Romantiċi, flimkien mal-użu ta’ konvenzjonijiet Barokki u l-influwenza ta’ Pietro Galiardi fl-għażla ta’ kuluri delikati.

Dan il-kapulavur ma kienx nieqes mill-kontroversji. Jidher li, oriġinarjament, il-Patrijiet kienu qabbdu lil Attilio Palombi (c. 1860 – 1913), pittur Taljan residenti Malta, li sa Diċembru tal-1905 kien diġà ppreżenta l-abbozzi tiegħu. Imma s-somma mitluba minnu għax-xogħol kienet tmur lil hinn minn dak li setgħu jonfqu l-patrijiet. Kien hawn li fix-xena daħal Giuseppe Calì li offra li jagħmel ix-xogħol bi prezz ferm orħos. Calì ried juri l-ħila tiegħu bħala tweġiba għall-kompetizzjoni minn numru ta’ artisti barranin li kienu qed jingħataw diversi kummissjonijiet minkejja li kienu ta’ ħila u kalibru inqas minnu.

Jidher li Calì ma naqasx milli jimmortalizza din il-kontroversja permezz ta’ botta fl-istess pittura. Fin-naħa ta’ isfel tax-xena nsibu żewġ anġli jżommu l-arma tal-Franġiskani flimkien ma’ anġlu ieħor taħthom bil-warrani mikxuf u ppuppat lejn min ikun qed iħares lejn il-pittura. Dan l-anġlu qed iżomm f’idu strixxa bil-kitba tal-kunjom Calì bil-kontra, x’aktarx bi nkejja lejn Palombi.

Filwaqt li l-botti u s-sarkażmu ħafna drabi mhumiex tweġiba nisranija, hemm verità fil-ħtieġa li wieħed jagħti dahru lil dak li qiegħed jostakolah milli jimxi fi triqtu. Imma kultant, bħall-Qaddej tal-Mulej tal-Profeta Isaija, ikun meħtieġ li nagħtu daharna lil dawk li jridu jsawtuna mingħajr ma nippruvaw ninħbew jew nippruvaw nostru l-pożizzjoni tagħna meta kkonfrontati bl-għażla tal-verità (Is 50, 6). Jalla nagħrfu nagħtu daharna lil dak li jisirqilna l-wisa’ ta’ qalbna milli jkun kollu għal Alla filwaqt li ma nibqgħux daharna mdawwar mill-karba tal-proxxmu jew mill-kawża ġusta, anke jekk ifisser li se jkollna nġorru fuq daharna l-piż tal-għażla tagħna.