Hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż
It-Tieni Riflessjoni dwar il-pitturi tal-Koppla tal-Bażilika Kolleġġjata ta’ Santa Elena, Birkirkara
Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf.
Ammen. It-tifħir u l-glorja,
l-għerf, ir-radd ta’ ħajr u l-ġieħ, il-qawwa u s-saħħa lil Alla tagħna,
għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.
Apokalissi 7, 10. 12
Kif diġà rajna xi ftit fl-artiklu ta’ qabel, jekk inqisu l-affresk li jarrpreżenta lil Kristu u s-Salib glorjuż bħala ċ-ċentru tal-biċċa xogħol sħiħa, fil-parti ta’ isfel tal-bqija tal-flieli naraw il-firda bejn it-tajbin u l-ħżiena—eku tal-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż li nsibu f’kapitlu 25 tal-Evanġelju skont San Mattew. Dawk li qegħdin fuq ix-xellug ta’ Kristu jirrappreżentaw lil dawk li kkundanaw lilhom infuqshom għat-telfien ta’ dejjem bl-għażla tagħhom li jibqgħu fid-dnub, u jħallu s-serp tal-qedem ifesfes kliem fieragħ f’widnejhom. Madwar dawn l-erwieħ indannati—li wħud iħarsu b’disprament lejn Kristu Mħallef u oħrajn iħarsu lejn d-daħla tal-abbissi tal-infern (li tidher f’affresk numru 4)—naraw ukoll għadd ta’ xjaten, li jintagħrfu għax għandhom il-qrejjen u, bħall-anġli, għandhom il-ġwienaħ, imma minflok bħal tat-tjur huma bħall-ġwienaħ tal-friefet il-lejl.
Fl-affreski lejn in-naħa tal-lemin ta’ Kristu, jidhru l-ewwel il-martri bil-friegħi tal-palm f’idejhom u libsin l-abjad, kif insibu fil-Ktieb tal-Apokalissi:
Wara dan ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom.
Apokalissi 7, 9
Fil-flieli l-oħra, jidhru ħerġin mill-oqbra l-ġusti, qisha x-xena li jirrakkonta San Mattew meta, wara l-mewt ta’ Kristu, jgħid li “l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa” (Mt 27, 52-53), bid-differenza li fl-affreski jidhru mhux biss bħala spirti imma bħala bnedmin sħaħ, bil-ġisem ukoll, bħal Kristu. U dan nistgħu ninnutawh meta, fil-felli li hemm eżatt faċċata ta’ Kristu, jidher skeletru li għadu ma ħax il-laħam imsebbaħ wara li laħmu therra fil-qabar.
“Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.” U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.
Mattew 25, 45-46
L-għażla bejn it-tajbin u l-ħżiena forsi tiskandalizza s-sensibbiltajiet tal-bniedem tal-lum li warrab is-sens tat-tajjeb u l-ħażin bħala realtà oġġettiva, imma minflok bidilha f’waħda suġġettiva, u jibqa’ biss b’karikatura ta’ Kristu artab li għalih jgħaddi kollox. Imma dan mhuwiex il-wiċċ veru ta’ Kristu kif jidher fl-Evanġelji: Kristu jmur sat-trufijiet tal-infern biex jikseb sal-aħħar ruħ li lesta tilqgħu bħala s-Sid tal-ħajja tagħha, imma l-għażla bil-kontra tfisser ukoll rifjut ta’ Kristu. Inti x’se tagħżel meta tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ Kristu? Din l-għażla aħħarija tiegħek hija ffurmata ftit ftit kuljum skont dak li qed tagħżel issa.
Ħajr lil Daniel Cilia għar-ritratti.