Il-Fidi: il-Kalċi u s-Salib

It-Tieni Riflessjoni dwar l-Arazz tat-Trijonf tal-Fidi Kattolika, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi. Hu permezz tal-fidi li aħna nemmnu kif Alla ħoloq id-dinja bil-kelma tiegħu, hekk li minn dak li ma narawx sar dak li jidher.

Lhud 11, 1-3

Illum se nibdew nidħlu iktar fid-dettall tal-allegoriji użati f’dan l-arazz li, bħal ħafna mill-bqija, hu ddisinjat fuq pittura tal-artist Belġjan Peter Paul Rubens. Fix-xogħol tiegħu, Rubens kellu f’moħħu r-rebħa tal-Fidi vera (jiġifieri dik Kattolika) fuq ir-riforma Protestanta li, fost l-oħrajn, timmina t-twemmin fir-realtà u l-effikaċja tas-sagramenti. Fil-fatt, il-figura allegorika tal-Fidi hi riekba fuq karru tad-deheb misjuq minn żewġ anġli ‘mmuskolati’—forsi biex ifakkru li l-fidi teħtieġ qawwa kbira sabiex tibqa’ miexja minkejja l-ostakli—u mbuttat minn żewġ puttini li nistħajjilhom rappreżentazzjoni tas-sors divin tal-virtù teoloġali—fl-aħħar mill-aħħar il-fidi mhijiex xi ħaġa tagħna imma hi don ta’ Alla.

Il-Fidi hi rrappreżentata biż-żewġ elementi ikonografiċi tradizzjonali: is-salib u l-kalċi. Però f’dan l-arazz naraw li fuq il-karru l-Fidi hi akkumpanjata minn anġlu ieħor f’qagħda djagonali u paralleli mal-Fidi li qed iżomm l-għuda tas-salib. Filwaqt li hi l-Fidi qed iżżomm il-kalċi proprju biex tisħaq fuq din ir-‘rebħa’ sagramentali u l-fidi meħtieġa sabiex temmen fil-grazzja inviżibbli ta’ Alla li tgħaddi permezz ta’ ġesti u materji viżibbli.

Barra s-salib, għandna wkoll żewġ simboli oħra tal-passjoni—l-imsiemer u l-kuruna tax-xewk—miżmuma minn żewġ puttini jittajru fuq quddiem tal-korteo. Dawn it-tliet simboli jfakkru fl-aspett sagrifikali tal-Ewkaristija.

Minkejja li tistqarr il-fidi fil-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Mulej, fil-ħajja konkreta ġieli ssibha diffiċli li tibqa’ tħaddan il-fidi meta tersaq lejk fil-forma ta’ Salib. Temmen li huwa biss bis-sehem fl-Ewkaristija li l-kalċi tal-imrar jista’ jinbidel fil-kalċi tas-salvazzjoni?