Il-Katedra, il-Fidi u l-Imħabba

L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Arazz tat-Trijonf tal-Fidi Kattolika, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar,

imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ.

Issa nagħraf biċċa,

imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa.

Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.

1 Korintin 13, 12-13

Wara waqfa ta’ erba’ ġimgħat li fihom irriflettejna dwar Il-Madonna tal-Avjazzjoni, xogħol ta’ Emvin Cremona, issa jmiss li nerġgħu lura għall-arazzi tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li fix-xhur li għamlu esposti minn jaf kemm ġibdu l-ammirazzjoni ta’ turisti minn kull rokna tad-dinja, u saħħru lil kull min rahom fil-kuntest naturali tagħhom. Għaldaqstant, fil-ġimgħat li ġejjin se nikkontemplaw arazz allegorika ieħor: It-Trijonf tal-Fidi, li jiddendel fuq ix-xellug tas-sedja tal-Arċisqof, akkumpanjat mill-arazz tat-Trijonf tal-Imħabba fuq il-lemin u li dwaru rriflettejna xi xhur ilu.

Din l-istess pożizzjoni ta’ dawn iż-żewġ arazzi ħdejn il-katedra ma kinetx fil-ħsieb oriġinali ta’ meta nħaddmu fuq ordni tal-Gran Mastru Perellos bħala r-rigal tiegħu lill-Knisja Konventwali meta ġie elett Gran Mastru. Kienu l-iżviluppi storiċi li seħħew fis-seklu dsatax li wasslu sabiex din il-knisja b’dekorazzjonijiet u opri ta’ arti spettakolari titħalla f’idejn il-Knisja Kattolika għaċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, minkejja li konna taħt il-ħakma tal-Kuruna Ingliża li xtaqet li l-fidi tal-pajjiż tkun waħda Anglikana imma fehmet li din kienet se tkun gwerra inutli.

Postcard tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fi Żmien l-Ingliżi

Iżda l-post fejn issib ruħha kull opra ta’ arti—jekk ikun post naturali għaliha u mhux sempliċiment f’mużew—jagħti wkoll forma lill-mod ta’ kif din l-istess opra nħarsu lejha, inħalluha ‘tgħallimna’ u nifhmuha. U l-użu tal-kelma ‘tgħallimna’ hawn mhuwiex fieragħ għax il-katedra tal-isqof hija proprju l-post minn fejn l-isqof jaqdi b’mod solenni l-ministeru tiegħu ta’ tagħlim u formazzjoni tal-merħla fdata f’idejn il-ħarsien tiegħu. Hu għalhekk li l-knisja ewlenija tad-djoċesi tissejjaħ katidral. Il-kelma “katedra” ġejja mill-Grieg (καθέδρα), u tfisser is-siġġu tal-għalliem jew tron.

Filwaqt li, biex ngħidu hekk, il-katedra hija l-post minn fejn titwassal il-verità tal-Evanġelju, hija l-imħabba li nuru fir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u l-fidi tagħna li tinkixef fl-ispirtu u l-għala ta’ dak li nwettqu li eventwalment se jwasslu sabiex tassew il-fidi u l-imħabba joħorġu rebbiħin mhux bi trijonf pompuż imma għax jiftħu l-bibien beraħ sabiex kulħadd ikun jista’ jidħol fis-Saltna ta’ Alla u jduq l-hena li hu biss jista’ jagħti.

Il-‘post’ li minnu naġixxi, inħabrek u nikkomunika huwa ‘mżejjen’ bil-ħitan tal-fidi u tal-imħabba? Forsi mistoqsija kbira li faċli tiżloq minna, imma jekk tpoġġi lilek nnifsi quddiem dawn ix-xbihat, trid jew ma tridx, tiġi sfidat dwar il-mod ta’ kif qed tgħix il-preżenza Nisranija tiegħi fid-dinja. Tajjeb ukoll tiftakar fl-Arċisqof Chales J. Scicluna li bħalissa qed iġorr din ir-responsabbiltà ta’ mħabba u fidi sabiex il-Mulej ikompli jseddqu u jhennih.