Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek

It-Tielet Riflessjoni dwar l-Arazz tad-Difensuri tal-Ewkaristija, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Barra l-ħarsa li tajna lejn il-karattri differenti li jiffurmaw ix-xena pjuttost movimentata tal-arazz tad-Difensuri tal-Ewkaristija, u wkoll taċ-ċentru fokali Trinitarju, tajjeb nagħtu ħarsa lejn elementi oħra f’din il-kompożizzjoni.

L-ewwel nett, taħt l-altar nilmħu ċensier iddaħħan li fl-Iskrittura hu simbolu tat-talb li jitla’ ’l fuq lejn il-Majesta Divina flimkien mad-duħħan. F’Salm 141 insibu:

Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek;

ikunu idejja merfugħa ’l fuq

bħas-sagrifiċċju filgħaxija.

Salm 141, 2

L-istess simbolu nsibuh fl-Apokalissi, meta l-erbgħa u għoxrin xiħ fil-għomor li “kull wieħed minnhom kellu ċetra u xi bwieqi tad-deheb mimlija bl-inċens, li huma t-talb tal-qaddisin” (Apok 5, 8).

Barra minn hekk, jekk ikollna bħal donna niffukaw ’il barra nistgħu nilmħu wkoll l-isfond li fih tpoġġiet din ir-raffigurazzjoni allegorika. L-isfond huwa magħmul minn arkitettura Barokka. Fuq kull naħa nsibu niċċa vojta tant komuni fl-arkitettura Rinaxximentali u wara, bħal donnhom att ta’ nostalġija għal niċeċ vojta fil-fdalijiet Rumani tal-qedem li xi darba kienu okkupati minn statwi imma li dawn għosfru maż-żmien. B’xi mod jesprimu l-estetika tal-vojt jew biex jesprimu sens ta’ telfa u taż-żminijiet li għaddew. Imma huma wkoll wisa’ fejn jista’ jsir xi ħaġa.

L-istruttura sħiħa donnha hi taħlita bejn knisja—u allura l-preżenza tal-pilastri juru s-saħħa tagħha—u fl-istess waqt xi ġnien ta’ xi villa b’terazzin miftuħ li minnu tidher is-sema. B’xi mod, dan it-taħlit juri d-dimensjoni kosmika tal-arkitettura ekkleżjastika u d-dekorazzjoni tagħha.

Inti fejn issib postok f’dan kollu? Jista’ jkun li l-ħafna tiżjin elaborat ifixklek jew isaħħrek. Imma jista’ jkun li l-preġudizzju tiegħek fuq stil jew ieħor iwaqqfek milli tagħraf u tifhem li, sew il-kobor li jesprimi l-majesta u sew is-sempliċi li jesprimi l-umiltà u l-umiljazzjoni, it-tnejn iridu jkunu mezzi biex jikkomunikawlna dak li hu l-iktar ċentrali u jwasslu lil għajnejna biex jissammru fuqu: Ġesù, Alla magħmul bniedem, preżenti fostna permezz tal-ħobż.