Il-Firma fid-Demm
It-Tieni Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann ta’ Caravaggio
L-għada Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’ Anqas jien stess ma kont nafu; imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael.”
Ġwanni 1, 29-31
Il-pittura fuq tila ta’ 12-il pied bi 17-il pied hija l-unika waħda li Caravaggio jiffirma fil-karriera artistika tiegħu. U l-firma jpoġġiha proprju taħt l-għadira demm ħierġa minn għonq Ġwanni l-Għammiedi u hi bħal donnha miktuba b’dan l-istess demm bl-isem tiegħu bħala Kavallier. Probabbilment kienet ir-rigal tiegħu peress li kull novizz kien obbligat jagħmel għotja lill-Ordni meta jiġi maħtur kavallier.
Il-firma bid-demm minn banda hija stqarrija tad-demm li hu xerred u fl-istess ħin il-karba għall-ħniena u l-maħfra miksuba bl-istess demm tal-Ħaruf ta’ Alla, kif stqarr il-Qaddis impitter quddiem id-dixxipli tiegħu. Fil-pittura, hemm referenza sottili għal dan biż-żewġ saqajn ta’ ħaruf li jidhru ħerġin minn taħt il-katavru ta’ Ġwanni l-Battista.
Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.
1 Pietru 1, 18-19
Il-ħajja tagħna tinkiteb kemm bid-demm tagħna li jbaqbaq f’moġriet ġisimna u jħaddem l-organi tagħna, u kif ukoll bid-demm tal-Ħaruf ta’ Alla li jibdel il-ġrajja umana tagħna fi storja ta’ fidwa. Imma huwa fil-libertà tiegħek li tkompli tiktibha bħala ġrajja ta’ salvazzjoni u tissiġillaha l-ħidma kollha tiegħek billi sal-aħħar nifs tiegħek ikun għall-qadi ta’ Alla u tal-bnedmin. Kif qed tħalli demmek, dak li hemm ibaqbaq ġo fik, jikteb il-ġrajja ta’ ħajtek għalik u għall-oħrajn?