Il-poplu waqaf hemm, iħares

It-Tielet Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann ta’ Caravaggio

Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’

Luqa 23, 35-38

Il-katavru tal-Prekursur tal-Mulej huwa mdawwar minn għadd ta’ figuri mpittrin bejn wieħed u ieħor ta’ tul naturali ta’ persuna (life-size). Caravaggio kien magħruf li bħala mudelli kien iħobb juża nies komuni, u allura f’kull waħda minn dawk il-figuri rrappreżentati nistgħu nidentifikaw lilna nfusna:

  • il-bojja nnifsu, li qata’ b’xabla r-ras tal-qaddis (liema xabla qiegħda mserrħa mal-art ħdejn ras Ġwanni), b’idu l-leminija qed joħroġ is-sejf mil-lant tiegħu sabiex ikun jista’ jwassal fi tmiemu b’mod iktar effiċjenti dak li beda;
  • il-kalzrier li b’sebgħu ta’ idu l-leminija qed jipponta lejn il-platt dehbi filwaqt li qiegħed iħares ’l isfel lejn ir-ras maqtugħa, bħal donnu dak li qed jagħti l-ordnijiet f’isem is-Sultan Erodi sabiex tiġi esegwita s-sentenza tal-mewt;
  • mara anzjana b’rasha bejn idejha—reazzjoni awtomatika għal dak li qed tara jiġri quddiemha, bħal donnu l-maturità tagħha biss tasal li tifhem il-piż tad-delitt li kien qiegħed jitwettaq f’dak il-mument, il-qtil tal-vuċi tas-sewwa;
  • f’kuntrast ta’ età, sbuħija u nuqqas ta’ emozzjoni mal-mara xwejħa, insibu tfajla żagħżugħa bi platt dehbi f’idejha (li qisu jservi flok raġġiera) lesta biex fuqu tilqa’ ras il-qaddis ħalli twassalha fis-sala tal-festa tas-Sultan;
  • u, fl-aħħar, żewġ persuni oħra li qed iħarsu lejn ix-xena makabra minn wara l-grada tal-ħabs.

Quddiem it-traġedji tal-ħajja jew l-aħbarijiet li nisimgħu, kif inġibu ruħna? Xi kultant ngħixu ħajjitna bħal dawk li jittawlu mit-tieqa, kif ikantaw il-grupp Crowded House fid-diska tagħhom Don’t Dream It’s Over: “In the paper today tales of war and of waste, but you turn right over to the TV page.” Jew ninħakmu mill-paniku u l-anzjetà tal-mara xwejħa li tiffriża quddiem dak li qed jiġri. Jew inkella nkunu bħall-bojja u t-tfajla tal-platt: sempliċiment ngħixu ħajjitna, infarfru r-responsabbiltà fuq min imexxi jew fuq oħrajn u nsikktu l-kuxjenza, minkejja li realistikament aħna kompliċi. Jew bħall-gwardjan tal-ħabs għax quddiem il-ħażin inħarrxu qalbna u ninħakmu mill-krudeltà u ċ-ċiniċiżmu.

Kif qed tħares lejn il-qagħda tal-vittmi tas-soċjetà ta’ żmienna? Fuq liema naħa tas-sewwa realistikament issib ruħek?