Il-Ħoss tat-Trombi
It-Tielet Riflessjoni dwar il-pitturi tal-Koppla tal-Bażilika Kolleġġjata ta’ Santa Elena, Birkirkara
Kif ikun kulħadd imriegħed
xħin għall-ħaqq jiġi l-Imħallef
bl-ikbar reqqa, bħalma wiegħed.
Ħoss it-tromba jidwi, w miegħu
lill-bnedmin mill-oqbra kollha
isejħilhom għall-ħaqq tiegħu.
Re setgħan fil-kobor tiegħek,
li ssalvani bla jistħoqqli,
għajn ta’ ħniena, żommni miegħek.
Liturġija tas-Sigħat, Dies Irae
Hekk kif ninsabu fiż-żmien bejn it-tmiem ta’ sena liturġika u l-bidu ta’ oħra, il-Knisja fil-liturġija tagħna terġa’ mill-ġdid tfakkarna fuq l-istennija tat-tieni miġja ta’ Kristu, li magħha wkoll iġġib il-ħaqq minn kull bniedem. Fost l-affreski li nsibu fil-koppla tal-Bażilika Kolleġġjata ta’ Santa Elena, eżatt faċċata x-xbieha ta’ Kristu l-Imħallef, insibu r-rappreżentazzjoni ta’ qatgħa ta’ anġli kollha bit-tromba mqabbda ma’ xufftejhom, kif insibu f’kapitlu 24 tal-Evanġelju skont San Mattew:
jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira. U hu jibgħat l-anġli tiegħu, li b’leħen qawwi ta’ tromba jiġbru l-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf sa tarf tas-sema.
Mattew 24, 30-31
Is-simbolu tat-tromba bħala sinjal tal-aħħar miġja u l-ħaqq insibuh ukoll fl-ittri ta’ San Pawl (1 Kor 15, 52; 1 Tess 4, 16) u fl-Apokalissi, minn kapitlu 8 sa 11. Huwa reminixxenti tad-daqq tat-tromba fit-Testment il-Qadim, kemm fuq livell prattiku u ritwali, imma wkoll bħala sinjal tal-glorja tal-aħħar tal-Poplu ta’ Alla bħala għajn ta’ salvazzjoni għall-popli kollha. It-trombi għandhom prominenza kbira fil-ġrajja tal-waqa’ tal-belt ta’ Ġeriko fil-Ktieb ta’ Ġożwè—rebħa li permezz tagħha l-poplu jidħol u jibda jieħu kontroll tal-art imwiegħda. Dawn b’xi mod kollha huma marbutin mat-tama Messjanika tal-Poplu ta’ Alla tar-rabta l-qadima li jilħqu l-milja tagħhom fi Kristu.
L-anġli jidhru wkoll fil-bqija tal-affreski. Ġeneralment, fl-affreski fuq ix-xellug ta’ Ġesù, fil-parti tan-nofs tagħhom, naraw l-anġli bix-xwabel donnhom tan-nar f’idhom il-leminija u b’idhom l-oħra jippuntaw lejn l-abbiss tal-infern bħal donnhom biex juru t-triq lill-erwieħ ikkundannati lejn it-telfien ta’ dejjem, fl-istess direzzjoni li tipponta id Kristu.
Mill-banda l-oħra, l-anġli fl-affreski fuq il-lemin insibuhom fuq żewġ livelli, jiġifieri jew fil-livell ta’ isfel qed joħorġu l-erwieħ tat-tajbin mill-oqbra, jew fil-livell tan-nofs ġeneralment bil-ħarsa tagħhom lejn Kristu u b’idejhom f’pożizzjonijiet differenti li kollha jesprimu qima u tifħir.
L-anġli huma dawk l-ispirtu puri (mingħajr materja) li permezz tagħhom jitwassal il-messaġġ ta’ Alla u titwettaq ir-rieda tiegħu “kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6, 10). Hekk kif tinsab inti wkoll bejn sena liturġika u oħra, bejn ħajja u mewt ma’ kull nifs, bejn tmiem ta’ ħaġa u bidu ta’ oħra fil-ħajja ta’ kuljum, tista’ tqis lilek innifsek bħall-anġli għax f’kollox qed tfittex li l-ordni tas-sema jiġi stabbilit ukoll fl-art, jew tgħix fis-sħab hekk li tinjora l-art li fuqha għadhom iterrqu riġlejk?
Ħajr lil Daniel Cilia għar-ritratti.