Il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkupptejhom

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-pitturi tal-Koppla tal-Bażilika Kolleġġjata ta’ Santa Elena, Birkirkara

Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;

ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù

—fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art—

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkupptejhom,

u kull ilsien jistqarr:

“Ġesù Kristu hu Mulej,”

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

Filippin 2, 6-11

Ma jistax jonqos li fil-koppla tal-Bażilika ddedikata lil Santa Elena x-xbieha tagħha tingħata ċerta prominenza. L-Imperatriċi Awgusta tidher fit-tieni affresk fuq il-lemin ta’ Kristu, bejn il-livell tal-anġli u dak fejn hemm l-appostli. Il-pittur Virginio Monti joħloq bilanċ tajjeb bejn il-prominenza mistħoqqa fi knisja ddedikata lilha, u mill-banda l-oħra l-prominenza ogħla li tingħata lil Marija, Ġużeppi, San Ġwann il-Battista u lill-Appostli.

Il-qagħda ta’ Santa Elena f’dan l-affresk tista’ tkun ta’ ispirazzjoni għalina, aħna u nħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied permezz ta’ dan iż-żmien qaddis tal-Avvent. Hija tidher liebsa l-ilbies imperjali, imma fl-istess waqt tinsab għarkupptejha u b’rasha baxxuta tadura lil Kristu u tqim is-salib. It-tradizzjoni nisranija tattribwixxi lil Santa Elena s-sejba tas-Salib Imqaddes, flimkien mas-sejba ta’ postijiet oħra marbutin mal-ħajja ta’ Ġesù. Dawn is-sejbiet u l-bini ta’ għadd ta’ bażiliċi u monasteri fil-Palestina u l-inħawi seħħew bil-ħila tagħha waqt il-pellegrinaġġ tagħha lejn l-Art Imqaddsa bejn is-snin 326 u 328, jiġifieri wara li l-Insara ngħataw il-libertà tal-kult u wara l-Konċilju ta’ Niċea li stabbilixxa it-twemmin f’Ġesù Kristu bħala mnissel mill-Missier sa mill-eternità u tal-istess sustanza tiegħu bħala t-tagħlim it-tajjeb, kontra Arju li kien jistqarr li Ġesù kien maħluq mill-Missier u allura mhux tal-istess natura tiegħu.

Hekk kif qegħdin noqorbu għaċ-ċelebrazzjoni tal-inkarnazzjoni tat-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa, aħseb ftit dwar il-qagħda tiegħek quddiem dan il-misteru. Jista’ jkun li, minkejja l-istqarrija li tagħmel ta’ dan kull nhar ta’ Ħadd fil-Kredu, ir-realtà ta’ min hu Ġesù Kristu fl-essenza tiegħu—u allura l-kobor tal-inkarnazzjoni—għadhom ma missewx ir-realtà tal-ħajja tiegħek. Jista’ jkun li ma għadekx tinżel għarkupptejk quddiem dan il-misteru hekk kbir. Jista’ jkun li, minkejja li tgħid li temmen, qalbek għadha mhijiex lesta li tbaxxi rasha b’sens ta’ qima u adorazzjoni. Aħseb ftit, sabiex tkun tista’ tassew tiċċelebra l-Milied.

Ħajr lil Daniel Cilia għar-ritratti.