Bħalma wiegħed fl-imgħoddi

Il-Ħames Riflessjoni dwar il-pitturi tal-Koppla tal-Bażilika Kolleġġjata ta’ Santa Elena, Birkirkara

“Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni

f’dar David qaddej tiegħu,

bħalma wiegħed fl-imgħoddi

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna,

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:

li jagħtina l-grazzja

li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,

naqduh bla biża’,

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.”

Luqa 1, 69-75

Fit-tradizzjoni liturġika tal-Lvant, iż-żmien tal-Avvent per se ma jeżistix għajr fil-forma ta’ sawma qabel il-Milied. Però, żewġt iħdud qabel il-Milied, jiġi ċelebrat il-Ħadd tal-Proġenituri tal-Mulej, li fih jitfakkru l-Parijarki, il-Matrijarki u l-Profeti kollha sal-miġja ta’ Ġesù. Għaldaqstant, fir-riflessjoni tagħna llum, se nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq l-affresk li nsibu fil-felli eżatt fuq ix-xellug ta’ Ġesù.

Fil-parti ta’ fuq nett ta’ dan l-affresk ta’ Virginio Monti nsibu mpittrin, fuq l-istess livell tal-appostli, erba’ figuri marbutin b’mod intimu mal-miġja tal-Iben ta’ Alla fostna bħala bniedem. Dawn huma Sant’Anna u San Ġwakkin, Santa Eliżabetta u San Żakkarija. Sant’Anna u San Ġwakkin huma l-ismijiet tal-ġenituri ta’ Marija, skont ma nsibu fil-Proto-Evanġelju skont San Ġakbu. Permezz tagħhom setgħet titwieled dik li fil-ġuf safi tagħha kellu jseħħ dan il-misteru.

Santa Eliżabbetta u San Żakkarija—li nsibu l-ġrajja tagħhom fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju skont San Luqa—huma l-ġenituri ta’ San Ġwann il-Battista, dak li permezz tiegħu l-Messija kellu jintagħraf mill-poplu.

Marbutin mill-qrib mat-twelid ta’ Ġesù, nistgħu nistħajluhom bħala dawk il-predeċessuri ta’ Ġesù li permezz tagħhom bdiet tbexbex l-għodwa tat-twelid tax-Xemx tal-ġustizzja. U allura l-mod kif laqgħu l-misteru ta’ Alla f’ħajjithom jista’ jitfa’ dawl fuq kif aħna għandna nilqgħu dan il-misteru fil-ħajja tagħna.

Iż-żewġ koppji kellhom iġarrbu għal ħafna snin il-fatt li baqgħu bla tfal f’soċjetà u kultura li kienet tħares lejn dan bħala falliment. Imma kien f’dan il-falliment u d-diżappunt kbir tagħhom li mmaturat l-istennija għall-Messija u allura qalbhom kienet miftuħa biex setgħu jilqgħu s-sehem li ġie fdat lilhom mill-pjan tas-salvazzjoni.

Anke l-ismijiet tagħhom juru din il-fiduċja u stennija. L-isem Żakkarija jfisser ‘Alla jiftakar’, u l-isem Eliżabetta jfisser ‘Alla huwa ħalfa’. Ġwakkin ifisser ‘Alla jerfa’ ’l fuq’, u Anna tfisser ‘grazzja’.

Inti x’inhu ismek? Memorja jew amnesija tal-ġrajja ta’ ħajtek li sawritek f’idejn Alla? Ħalfa ta’ fedeltà jew infedeltà kontinwa li kważi tasal biex tħoll kull rabta ta’ ubbidjenza? Terfa’ u tintrefa’ ’l fuq, jew tbaxxi lill-oħrajn u lilek innifsek? Grazzja u ħniena, jew tisħet dak kollu li tmiss bin-negattività tiegħek? X’tixtieq li jkun ismek?

Ħajr lil Daniel Cilia għar-ritratti.