Il-Kampanja, ir-Rebħa u l-Mitjar
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-pittura tal-Madonna tal-Avjazzjoni ta’ Emvin Cremona
Qabel ma naqilgħu l-ħarsa tagħna minn fuq din ix-xbieha artistika ta’ Marija, ħarriesa ta’ dawk kollha li jivvjaġġaw fl-ajru taħt it-titlu ta’ Madonna tal-Loreto, ma jistax jonqos li nsemmu l-kumbinazzjoni providenzjali li waħda mill-kappelli ferm qrib tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hija ddedikata lill-Madonna ta’ Loreto fil-Gudja.
Ovvjament, il-Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann u Prijur ta’ Auvergne, Fra Imberto de Morines, li bena l-kappella fl-1548, probabbilment qatt ma basar il-possibbiltà tal-eżistenza tal-ajruplani fil-futur u wisq u wisq inqas li l-mitjar se jinbena daqstant viċin. Il-kappella oriġinali llum tifforma s-sagristija tal-kappella preżenti u nbniet b’ringrazzjament lil Alla wara rebħa li kiseb Morines u l-armata tiegħu kontra t-Torok li ta’ sikwit kienu jaħbtu għall-gżejjer.
Bħal dak iż-żmien, anke llum, il-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Loreto fil-Gudja nistgħu nsejħulha kappella tal-kampanja, imdawra b’għelieqi li għadhom jinħadmu. U għalhekk għadha tista’ toffri konsolazzjoni materna għal min hu tant mixtieq għall-kwiet u s-serenità, l-istess kif il-Bambin u mgeżwer u mħaddan hekk qrib ta’ qalb Marija fil-pittura ta’ Cremona.
Però jekk ikollna nwessgħu ftit ’l ħarsa tagħna lil hinn mix-xtut tagħna, ninnutaw li ħafna drabi wkoll l-imtajar ikunu ’l barra mill-qalba urbana, ġeneralment f’żoni mdawra minn tal-anqas ftit kampanja. U, bi ftit tiġbid tal-immaġinazzjoni, meta jinqatgħu mill-art, l-ajruplani tista’ tistħajjilhom bħal għasafar li mill-art fejn ikunu niżlu biex jistrieħu jew ifittxu l-ikel itiru lejn is-sema sad-destinazzjoni li jkun imisshom isibu, sew jekk art oħra fil-każ ta’ għasafar migratorji, u sew jekk il-bejta fil-każ ta’ għasafar lokali jew li waqfu hawn biex ibejtu u jbidu.
Hekk kif forsi qed taħseb biex tieħu xi ftit jiem ta’ mistrieħ, tajjeb tieqaf ftit u, barra l-bookings li trid tagħmel, taħseb ukoll dwar x’se jkun dak li jagħtik ftit nifs f’dan il-mument ta’ rikreazzjoni li bih tinħoloq mill-ġdid (ri-kreazzjoni). Se jkun ukoll mument biex tieqaf taħseb dwar dak kollu li Alla għamel miegħek u rebaħ fik u fid-dinja permezz tiegħek? Se jkun mument li fih issib lilek innifsek u terġa’ ssib postok fik innifsek? Se tħalli lil Alla jgeżwrek bil-ħlewwa tiegħu sabiex mhux biss ġismek imma wkoll qalbek issib fejn tista’ tistrieħ?
Ritratt b’korteżija ta’ MUŻA – Heritage Malta